Lokali

K-9 Urban Search and Rescue f’eżerċizzju ntensiv ta’ tfittxija u salvataġġ

Ħafna jgħidu li l-kelb huwa l-akbar ħabib tal-bniedem u għall-kelba Ace, li hija parti minn tim ta’ tfittxija u salvataġġ, dan żgur huwa l-każ. 

Dan għaliex il-K-9 Urban Search and Rescue Malta tħarreġ lil Ace u klieb bħalha, kif ukoll lill-handlers tagħhom biex flimkien jaħdmu sabiex jinstabu persuni neqsin. 

Il-klieb jużaw is-sens qawwi tax-xamm tagħhom biex jillokalizzaw nies li jkunu mitlufa jew maqbuda taħt it-tifrik wara xi diżastru, anke f’terren diffiċli u perikoluż.   Impressjonanti l-fatt li dawn il-klieb huma mħarrġa wkoll biex jaħdmu f’diversi kundizzjonijiet, inklużi dlam, temp estrem, u anke fl-ilma.

Net News  tkellem ma’ John Gera u membri tat-tim tiegħu li tawna aktar tgħarif dwar din l-organizzazzjoni.

Il-K-9 Urban Search and Rescue Malta dan l-aħħar organizzat EU Host Nation Support Exercise. L-avveniment ta’ jumejn li kien suċċess kbir, ġabar flimkien parteċipanti mis-Slovakkja, l-Isvezja, n-Norveġja u Malta.

Fl-eżerċizju ntensiv ippartecipaw 22 kelb ta’ salvataġġ fosthom  Border Collies, German Shepherds, Belgian Malinois u Tolling Retrievers.  B’kollox, 12-il kelb barrani u l-handlers tagħhom li ġew assistiti minn 10 iklieb Maltin, inkluż is-CPD K9 Unit.

L-eżerċizzju involva sessjonijiet kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl,  biex jiżgura li l-parteċipanti jkunu ppreparati tajjeb għal kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Il-gvern tas-Slovakkja bagħat wieħed mill-ajruplani tiegħu biex jittrasporta l-ħamest iklieb u l-handlers tagħhom lejn Malta. Dawn il-handlers u l-klieb servew fit-Turkija u salvaw 11-il persuna wara t-terremoti kbar.

In-Norveġja bagħtet grupp ta’ erba’ ekwipaġġi u b’kollox kienu sitt membri tas-salvataġġ, filwaqt li l-Isvezja kellha tim ta’ tliet ekwipaġġi.  Malta kellha tmien ekwipaġġi mill-K-9 USAR Malta u tnejn oħra mis-CPD K9 Unit. Wieħed mill-ekwipaġġi reċentement serva fit-Turkija.

L-ewwel eżerċizzju sar fl-inħawi tal-Forti Delimara. Post li kellu livelli differenti ta’ sfida.

Madankollu, il-post ewlieni tal-eżerċizzju kien barriera f’Ta’Kandja, li b’mod realistiku simulat it-tip ta’ terren li jinqala’ waqt diżastru naturali. Iż-żona kienet ta’ sfida hekk kif partijiet mill-barriera kienu mgħarrqa bl-ilma. Voluntiera mis-San Gwann Group Scout Corps inħbew f’dan it-terren, b’mhux anqas minn ħames żoni ta’ tfittxija b’livelli differenti ta’ diffikultà biex isibu u jsalvaw il-“vittmi tat-terremot”.  It-timijiet mill-pajjiżi differenti kienu mpressjonati b’kemm it-terren kien realistiku – simili għal dak li ltaqgħu miegħu fit-Turkija.

L-eżerċizzju ewlieni ta’ salvataġġ beda meta t-timijiet, ġew mwissija b’allarm ta’ “terremot”, tkompla matul il-lejl u spiċċa fl-4am.

Imbagħad kien hemm allarm ieħor fl-10am biex jinstabu aktar “vittmi” neqsin u dan l-eżerċizzju baqa’ għaddej sa wara nofsinhar.

Għalkemm l-eżerċizzji kellhom diversi mumenti ta’ riskju għoli, il-livell ta’ sigurtà kien għoli wkoll. Minbarra s-servizzi tal-emerġenza, kien hemm ukoll il-veterinarju Robert Schembri u t-tabib Patrick Farrugia, kap tal-emerġenza fl-Isptar Mater Dei, li kienu fuq il-post, lesti għal kull eventwalita’.

Dawn l-eżerċizzji ta’ taħriġ huma essenzjali biex jiffaċilitaw il-proċess f’każ ta’ diżastru naturali reali – eżerċizzji li mhux biss isaħħu l-kollaborazzjoni bejn pajjiżi differenti iżda jsaħħu wkoll il-ħiliet u l-kompetenza tat-timijiet tat-tfittxija u s-salvataġġ.