Iċ-Champions Ingliżi Manchester City mill-ġdid żammew l-appuntament mar-rebħ – u aktar gowls – bħalma jindika r-riżultat finali 4-1 fuq Southampton f’St Mary’s Stadium.
Ir-riżultat, waqt li ftit jew wisq mistenni, ikompli jressaq lis-Saints eqreb ta’ The Championship, b’City se jkunu qed isegwu b’interess il-logħba tallum f’Anfield bejn Liverpool u Arsenal biex jaraw jekk il-Gunners – li għandhom vantaġġ ta’ ħames punti f’ras il-klassifika – isibux l-intoppi fl-aħħar fażi tat-tellieqa għat-titlu.
Is-Citizens għalqu l-ewwel taqsima b’gowl vantaġġ skurjat minn Erling Haaland u komplew jixxalaw fit-tieni 45 minuta fejn żiedu tliet gowls oħra minn Jack Grealish (58), Haaland (68) u Julian Alvarez minn penalty wara li de Bruyne kien twaqqa fil-kaxxa.
Il-gowl uniku tas-Saints wasal minn Mara, fit-72 minuta meta City kienu diġà fetħu vantaġġ ta’ 3-0 — u li sewa biss għall-kronaka.
Sadanittant, il-battalja bejn it-tims l-oħra li qed jisfidaw għal post finali fit-Top 4 tal-Premier Ingliż kompliet tiħrax, b’Manchester United, Newcastle United u Tottenham Hotspur kollha jegħlbu l-ostakli rispettivi għal tliet punti oħra li jħalluhom jittamaw.
Fl-ewwel logħba fil-programm, Man Utd ftit kellhom diffikultà biex jissuperaw lil Everton, 2-0, f’Old Trafford u għal riżultat li reġa’ tefa’ lit-Toffees fl-inkwiet lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika.
Ir-Red Devils ħlew diversi ċansijiet ta’ skor, b’Antony ifalli darbtejn minn quddiem il-gowlkiper Pickford u b’Wan Bissaka ifalli minn quddiem lasta vojta wara li l-istess Antony kien laqat il-wieqfa b’xutt qawwi.
Iżda fis-36 minuta, Scott McTominay żblokka r-riżultat b’xutt fil-baxx, b’United, minn dak il-ħin, jikkontrollaw il-logħba, tant, li ma kenitx sorpriża meta huma rduppjaw mis-sostitut Martial (71) wara li rċieva ballun fuq platt mingħand Marcus Rashford.
U għar-rebħa ta’ United wieġbu wkoll Newcastle li ġew minn wara kontra Brentford biex kisbu l-punti ( 2-1) fil-Community Stadium.
L-ewwel taqsima kienet kollha ta’ marka Brentford li tilfu penalty mogħti minn Ivan Toney u wara li l-istess Toney kellu ‘gowl’ imħassar għal offside, Iżda sekondi qabel il-mistrieħ, il-VAR ikkonvalida penalty ieħor għall-Bees wara l-fawl ta’ Alexander Isak fuq Rico Henry – b’Toney din id-darba ma jiżbaljax.
It-tieni 45 minuta rat rimonta kbira minn Newcastle bil-gowlkiper ta’ Brentford, David Raya, idawwar il-ballun fix-xibka tiegħu fuq il-kross ta’ Joelinton (54), u bil-Geordies, imbagħad, jiskurjaw il-gowl tar-rebħa minn Isak (61) li venven’first timer’ minn tarf il-kaxxa. Intant, il-VAR ħassar dak li kellu jkun it-tieni gowl għal Isak u t-tielet għal Newcastle, bir-riżultat ma jinbidilx u bil-Geordies jibqgħu jżommu t-tielet post fil-klassifika, bl-istess punteġġ bħal Man Utd iżda b’differenza ta’ gowls superjuri.
Tottenham Hotspur għadhom qed jittamaw f’żelqa mit-tims ta’ fuqhom wara rebħa importanti u impressjonanti, 2-1, fuq Brighton and Hove Albion f’The New White Hart Lane.
Brighton ħarġu aggressivi għal din il-logħba iżda sabu ruħhom minn taħt wara għaxar minuti meta Son Heung-min sab ix-xibka ta’ Jason Steele b’xutt bid-dawwra u għall-100 gowl tiegħu fil-Premier League Ingliż. Brighton komplew ikunu perikolużi u fl-34 minuta huma kisbu parità minn Lewis Dunk, bl-iskor , 1-1, jibqa’ l-istess sal-mistrieħ.
It-tieni taqsima kienet iddominata minn Brighton li – wara ‘gowl’ invalidat ta’ Mitoma fl-ewwel taqsima — kellhom ‘gowl’ ieħor ta’ Danny Welbeck imħassar mill-VAR wara li MacAllister kien ipprovda l-assist b’idu.
Għaxar minuti mit-tmiem kien imiss lil Harru Kane li jkun l-eroj ta’ Spurs meta l-first-timer tiegħu ixxellef ma’ Solly March qabel spiċċa fix-xibka għat-2-1 finali u li jikkonsolida l-ħames post għal Tottenham li lagħbu logħba aktar minn Newcastle u Man Utd.
Ġlieda interessanti fin-naħa t’isfel tal-klassifika
Il-ġlieda lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika issa daħlet fil-fażi deċiżiva, b’Leicester City isofru telfa f’darhom ma’ Bournemouth, 0-1, li tista’ tkun diżastruża għall-Foxes ladarba jsiru l-kontijiet fl-aħħar tal-istaġun.
Il-gowl deċiżiv wasal minn Philip Billing (40) li approfitta mill-backpass żbaljat ta’ James Maddison u, b’kalma kbira, għeleb lil Daniel Iversen mill-viċin.
Leicester rari kienu perikolużi u b’din it-telfa fil-King Power Stadium huma għadhom it-tieni mill-aħħar, b’vantaġġ ta’ tlett punti biss fuq l-aħħar tim ( Southampton). Intant Bournemouth, grazzi għas-suċċess f’dan is-‘six pointer’ jinsabu fil-ħmistax il-post tal-klassifika b’vantaġġ ta’ tliet punti fuq l-aħħar tliet tims fiz-zona l-ħamra.
West Ham United ħadu ftit tan-nifs b’rebħa rari, 1-0, barra minn darhom għall-ispejjeż ta’ Fulham – bl-awtogowl ta’ Harrison Reed (23) jiddeċiedi dan id-derby ta’ Londra fi Craven Cottage.
L-awtogol seħħ fuq azzjoni insidjuża ta’ Jarrod Bowen u minn dak il-ħin, il-Hammers iddefendew b’għaqal għat-tieni rebħa biss (fil-league) barra l-London Stadium mill-bidu tal-istaġun. Fl-aħħar ħinijiet, Lukasz Fabianski salva r-riżultat meta seraq il-ballun lil Andreas Pereira wara li l-midfielder ta’ Fulham ipprova jaqbeż lill-gowlkiper tal-Hammers u meta kien aktar faċli għalih li jixxuttja lejn il-lasta.
Ir-ritorn ta’ Frank Lampard bħala manager ta’ Chelsea ma kellux il-bidu li xtaq, bil-Blues ikomplu jiddiżappuntaw fit-telfa, 0-1, għand Wolves f’Molineux.
Wolves, fil-preżent, jinsabu t-tnax fil-klassifika u l-gowl importanti wasal mill-midfielder Portugiż Matheus Nunes (31) li spara fir-rokna tax-xibka minn angolu diffiċli wara li reaġixxa għall-header tad-difensur ta’ Chelsea Koulibaly.
Chelsea rari kienu perikolużi u Lampard – li qed jirritorna mill-ġdid fit-tmun tat-tim 27 xahar wara li kien tkeċċa minn ma’ Chelsea – irid jara kif, ‘il quddiem, jista’ jaqla’ lill-Blues mill-ħdax il-post għal pożizzjoni aktar rispettabbli fil-klassifika.
Aston Villa huma fost l-aktar tims li qegħdin juru forma tajba u fejn mill-ġdid taw wirja oħra effiċjenti b’rebħa, 2-0, fuq Nottingham Forest f’Villa Park.
Il-Villains issa jinsabu fis-sitt post tal-Premier League, b’Notts Forest, għall-kuntrarju, jinsabu f’periklu kbir li jitilfu posthom mal-kbar – l-aktar minħabba r-rekord terribbli tat-Tricky Trees barra minn darhom.
Villa issa rebħu 11 mis-17-il logħba li lagħbu mindu Unai Emery ħa post Steven Gerrard bħala manager u Bertrand Traore (48) poġġihom fit-triq tar-rebħ meta, kmieni fit-tieni taqsima, sab il-ballun f’saqajh fuq il-clearance ta’ Shelvey u fejn għeleb lil Navas b’finish perfett għar-rokna.
Ir-riżultat kien siġillat u lest fl-aħħar sekondi tal-logħba meta – wara one-two ma’ Jacob Ramsey — Ollie Watkins spiċċa waħdu quddiem Navas biex xeħet ġewwa għat-2-0 finali.
//= $special ?>