Hekk kif issa fadal biss tliet logħbiet għal tmiem il-Kampjonat, l-interess jibqa’ fil-ġlieda għal min l-istaġun li ġej se jkun qed jilgħab fl-Ewropa kif ukoll min se jkun qed isalva postu fil-Kampjonat Premier. Min-naħa ta’ fuq għandna żewġ logħbiet diretti bejn erba’ timijiet li qed jissieltu għall-Ewropa, fejn Gżira se jkunu qed jaffrontaw lil Birkirkara filwaqt li Mosta jilagħbu kontra Balzan.
Bir-rebħa konvinċenti tal-ġimgħa li għaddiet kontra Hibernians, Birkirkara jinsabu fl-aħjar pożizzjoni għal post fl-Ewropa u, għalkemm ovjament ma jridux jitilfu biex ikomplu jersqu viċin dan it-tragward, b’telfa xorta waħda jibqgħu mal-ewwel erbgħa. Min-naħa t’isfel, it-timijiet li qed jiġġieldu għar-relegazzjoni kollha għandhom logħbiet diffiċli fuq il-karta b’Żebbuġ, Santa Lucia u Pietà se jaffaċjaw lil Ħamrun, Valletta u Hibernians rispettivament. Din il-ġimgħa l-partiti se jkunu qed jintlagħabu llum u t-Tnejn minħabba li fl-Għid bħas-soltu ma jintlagħabux logħob.
Gżira United vs Birkirkara | Illum, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali
Konfront bejn żewġ timijiet bl-istess għan, dak li jikkwalifikaw għall-Ewropa, bit-tnejn li huma wkoll għadhom fl-FA Trophy u għalhekk b’ċans ukoll li jikkwalifikaw jekk jirbħu din il-kompetizzjoni. Gżira jridu jdawwru l-forma malajr kemm jista jkun hekk kif mill-aħħar tliet logħbiet m’akkwistaw l-ebda punt u b’telfa f’dan il-konfront ikunu qed jissograw li jitilfu post mal-ewwel erbgħa. Fid-difiża se jkollhom nieqes lid-difensur ċentrali Luke Tabone li jinsab sospiż logħba. Gżira għandhom 42 punt, bit-tliet timijiet ta’ warajhom kollha jistgħu jew jilħquhom jew saħansitra anke jaqbzuhom jekk ma jiksbux rebħa minn din il-logħba. L-avversarji Birkirkara għal kuntrarju għandhom moral għoli wara li fl-aħħar logħba kisbu rebħa konvinċenti ta’ 5-0 fuq Hibernians u jinsabu fit-tieni post b’44 punt. Tedesco min-naħa tiegħu se jkollu nieqes lil Alex Da Paixao li wkoll qed jiskonta sospensjoni ta’ logħba. L-ewwel konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet dan l-istaġun spiċċa fi draw ta’ 1-1.
Floriana vs Gudja United | Illum, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Il-Greens ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi, rebħiet li waslu xi ftit tard hekk kif għalkemm matematikament għadu possibli, kwaifikazzjoni għal kompetizjoni Ewropea hija xi ftit iebsa għat-tim immexxi minn Gianluca Atzori, li jinsab seba’ punti bogħod mir-raba’ post meta fadal tliet logħbiet. Id-difensur ta’ Floriana Emiliano Callegari mhux se jkun disponnibli minħabba li huwa sospiż logħba. Mill-banda l-oħra Gudja se jkunu ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi u bi prattikament l-istaġun mitmum għalihom, fejn wara staġun xi ftit diffiċli rnexxielhom jikkonfermaw posthom fil-Premier, dawn it-tliet partiti li fadal jistgħu ikunu ta’ opportunità għal plejers żgħażagħ jew forsi oħrajn li ma tantx kellhom ċans jilgħabu. Huma se jkollhom sospiżi lil Juan Bolanos li weħel tliet logħbiet wara li fl-aħħar logħba ntwerà karta ħamra diretta kif ukoll lil James Arthur u Johann Bezzina li huma sospiżi logħba. Fl-ewwel round Floriana ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0.
Pietà Hotspurs vs Hibernians | Illum, fl-16:15 fl-Istadium Nazzjonali
Waħda mill-aktar logħbiet interessanti mill-24 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier hija dik bejn Pietà Hotspurs u Hibernians biż-żewġ timijiet għadhom qed jissieltu biex jilħqu tragwardi differenti. Il-Hotspurs fl-aħħar konfront żammew it-tamiet ħajjin li jsalvaw posthħom mal-kbar meta kisbu rebħa importanti ta’ 2-1 kontra Marsaxlokk u laħqu lil Santa Lucia bi 11-il punt. Pietà, immexxija minn Rodney Bugeja kellhom staġun diffiċli ħafna fejn sa nofs ix-xahar li għadda kienu għadhom biss rebħu darba iżda fl-aħħar żewġ ħarġiet kisbu punti massimi b’rebħiet fuq Gudja u Marsaxlokk rispettivament. Bugeja se jkollu nieqsin lil Daniel Zerafa u Kieran Leonardi li qed jiskontaw logħba sospensjoni. Il-Pawlisti minn dan il-konfront xejn inqas minn rebħa ma tissodisfhom biex l-ewwel nett jirritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet konsekuttivi kif ukoll jibqgħu fit-taqtiegħa għal post mal-ewwel erbgħa hekk kif dan huwa l-uniku mod kif it-tim immexxi minn Silvio Vella jista’ jikkompeti fl-Ewropa l-istaġun li ġej. Minbarra Jurgen Degabriele, li jidher li l-istaġun għalih huwa mitmum minħabba l-injury li sofra, Thaylor Aldama se jkun qed jiskonta logħba sospensjoni. Fl-ewwel logħba Hibernians kienu għelbu lil Pietà 2-1 b’doppjetta ta’ Muritala.
Sirens vs Marsaxlokk | Illum, fl-16:15 fit-Tony Bezzina Stadium
Żewġ timijiet li serrħu rashom minn post fl-għola diviżjoni tal-futbol Malti, bit-tim minn San Pawl il-Baħar jagħmel dan ġimgħa ilu b’rebħa ta’ 1-0 fuq Gudja United. Wara nuqqas ta’ konsistenza dan l-istaġun, Sirens sabu l-forma fl-aħħar tliet logħbiet hekk kif kisbu tliet rebħiet infila wara li kienu ilhom ma jirbħu sitt logħbiet fil-kampjonat. Huma se jkunu mingħajr l-attakkant Ivan Kolev, li bħal Bolanos ta’ Gudja, weħel tliet logħbiet wara li tkeċċa kontra dawn tal-aħħar . Marsaxlokk, fir-ritorn tagħhom fl-għola diviżjoni wara għaxar snin, ukoll ikkonfermaw posthom għal staġun ieħor mal-kbar u saħansitra għadhom fis-semifinali tal-FA Trophy, fejn anke huwa wieħed mit-timijiet b’ċans li jikkompetu fl-Ewropa jekk jirbħu dan it-tieni l-akbar unur fil-futbol Malti. Marsaxlokk se jkunu mingħajr wieħed mill-aqwa plejers tagħom Leandro Aguirre li jirritona fis-semi finali tal-FA Trophy, hekk kif ġie sospiż tliet partiti wara li tkeċċa fl-aħħar logħba kontra Pietà Hotspurs. Fl-ewwel round Sirens ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Mosta vs Balzan | It-Tnejn, fis-18:00 fis-Centenary Stadium
Bilanċ assolut fil-klassifika bejn dawn iż-żewġ timijiet li qed jissieltu għal post mal-ewwel erbgħa hekk kif jinsabu t-tnejn fir-raba’ post b’40 punt. Mosta kellhom wieħed mill-aqwa staġuni fl-istorja tagħhom u mhux b’kumbinazzjoni li jinsabu fir-raba’ post u fis-semifinali tal-FA Trophy hekk kif il-prestazzjonijiet tagħhom kienu mill-aqwa. Fl-aħħar partita Mosta kisbu rebħa importanti ta’ 2-1 fuq Gżira United, rebħa li telfet it-tieni post lil Maroons u li bgħatet messaġġ qawwi lit-timijiet li qed jissieltu għal dan it-tragward Ewropew li Mosta tabilħaqq huwa tim li qed jaspira li jkollu t-tieni esperjenza barra minn xtutna s-sajf li ġej. Balzan min-naħa tagħhom ukoll kellhom staġun pożittiv speċjalment meta wieħed jikkunsidra li l-istaġun li għadda kienu spiċċaw fl-għaxar post, punt biss bogħod mir-relegazzjoni u din is-sena qed jiġġieldu b’ċans tajjeb li jikkompetu fl-Ewropa. Bla dubju iżda li t-tim immexxi minn Oliver Spiteri jrid jinsa l-prestazzjoni tal-aħħar partita, fejn mingħajr ma nnaqsu xejn mill-mertu taċ-champions Ħamrun Spartans, Balzan ftit kienu fil-partita u sofrew telfa ta’ 4-0. Fl-ewwel round kienu Mosta li ħadu t-tliet punti f’rebħa ta’ 2-1.
Valletta vs Santa Lucia | It-Tnejn, fis-18:30 fit-Tony Bezzina Stadium
Bħal Floriana, Valletta jinsabu fis-seba’ post bi 33 punt u għalhekk huwa kważi impossibbli li jieħdu xi ħaġa minn dan il-kampjonat, li l-klann Belti wkoll irid jinsa malajr kemm jista jkun fejn għat-tielet staġun konsekuttiv se jkunu naqqsu milli jagħmluha għal kompetizzjoni Ewropea. Fl-aħħar konfront Valletta kienu konvinċenti u f’waħda mill-aqwa prestazzjonijiet tagħhom dan l-istaġun għelbu lit-tim li qed jiġġieled kontra r-relegazzjoni Żebbuġ 5-1. Din il-ġimgħa t-tim immexxi mill-kowċ żgħażugħ Thane Micallef se jkun qed jaffronta tim ieħor min-naħa t-isfel tal-klassifika bl-avversarji din id-darba jkunu Santa Lucia ta’ Enzo Potenza. Fl-aħħar konfront is-Saints tilfu 2-0 kontra Floriana u saħansitra ntlaħħqu mit-tim ta’ taħt nett Pietà. Minkejja li l-isfidanti l-oħra f’din in-naħa tal-klassifika, cioe Żebbuġ u Pietà, it-tnejn għandhom konfronti diffiċli, Santa Lucia għandhom bżonn rebħa biex ikomplu jkabbru t-tamiet li jsalvaw posthom, li kien mgħoti bħala bħala bonus, fil-Kampjonat Premier.Valletta se jkunu mingħajr id-difensur żgħażugħ Christian Gauci li jinsab sospiż logħba. L-ewwel konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet dan l-istaġun spiċċa f’rebħa ta’ 2-0 għall-Beltin b’gowls ta’ Andrea Zammit u Brandon Paiber.
Ħamrun Spartans vs Żebbuġ Rangers | It-Tnejn, fis-19:00 l-Istadium Nazzjonali
Fl-aħħar konfront Ħamrun urew li huma champios denji b’rebħa ta’ 4-0 kontra Balzan u, għalkemm issa t-tragward għar-rebħ tat-titlu issa ntlaħaq, din il-logħba hija waħda importanti għall-Ispartans għax se jkunu qed jaffaċċjaw l-uniku tim li għelibhom fil-Kampjonat. Żebbuġ min-naħa tagħhom b’rebħa jkunu kważi għamluha għal post fil-play-off iżda żgur li se tkun diffiċli mmens għax kif għedna Ħamrun għandhom xi jpattu liż-Żebbuġin li f’partita li kellha tintlagħab f’jumejn minħabba l-maltemp għelbuhom 4-2. It-tim immexxi minn Brian Spiteri jinsab fit-12-il post b’14-il punt, tliet punti fuq Santa Lucia u Pietà Hotspurs u meta fadal tliet logħbiet it-tamiet taż-Żebbuġin, minbarra li forsi jerġgħu jwettqu xi sorpriża u jiksbu tliet punti minn dan il-konfront huwa li ta’ warajhom ma jirbħux biex jibqgħu fuqhom u f’post fil-play-off.
//= $special ?>