Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu: Alison Jackson tirbaħ il-Paris-Roubaix

Iċ-ċiklista Kanadiża Alison Jackson tal-EF ħarġet rebbieħa fit-tielet edizzjoni tal-Paris-Roubaix fil-kategorija tan-nisa.

Jackson irnexxielha tikkonferma r-rebħa fl-aħħar ftit mumenti tat-tellieqa permezz ta’ inċident li sar bejn numru ta’ ċiklisti li kienu meqjusa bħala favoriti għal din it-tellieqa.

Elisa Longo Borghini li rebħet l-aħħar edizzjoni ta’ din it-tellieqa kienet tinsab fl-ewwel post, pero sfortunatament għaċ-ċiklista Taljana ħabtet u affettwat anka lil ċiklista Belġjana Lotte Kopecky.

Jackson irnexxielha żżomm il-vantaġġ fuq Katia Rasgusa u Marthe Truyen li spiċċaw fit-tieni u fit-tielet post rispettivament.

Fuq nota oħra, iċ-champion kurrenti tat-Tour de France Jonas Vingegaard ħareġ rebbieħ fil-Tour de Basque. Iċ-ċiklist ta’ Jumbo-Visma ma kellu l-ebda diffikulta sabiex jissiġila r-rebħa hekk kif kien qiegħed f’tellieqa individwali għall-aħħar 30 kilometru.

Vingegaard temm it-tellieqa b’distakk ta’ minuta u tnax-il sekonda fuq Mikel Landa, bl-Ispanjol Ion Izagirre jispiċċa fit-tielet post.