Il-Ħadd filgħodu ssoktaw iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Qawmien ta’ Ġesù Kristu fil-knisja kif ukoll madwar it-toroq ta’ pajjiżna bil-purċissjonijiet tal-Irxoxt.
Fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa ċelebrazzjoni fejn waqt l-omelija tiegħu qal li dan il-jum huwa ta stedina sabiex nifirħu u nagħmlu festa tal-għid sabiex niċċelebraw il-Qawmien ta’ Ġesù Kristu. Dan għaliex bħal-lum infakkru r-rebħa tiegħu fuq il-mewt u d-dnub.
Huwa sostna li l-Mulej bil-misteru tal-Għid tiegħu jnaddafna minn kull ħsieb li aħna aħjar minn ħaddieħor, li aħna l-uniċi li għandna dritt li niġġudikaw lil ħaddieħor jew li nikkundannaw lil ħaddieħor.
Iċ-ċelebrazzjoni tas-Sibt Filgħaxija
Is-Sibt filgħaxija l-qniepen mill-ġdid reġgħu bdew jindaqqu wara madwar 48 siegħa silenzjużi, tifsira li Ġesù Kristu rebaħ il-mewt.
Il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet kienet immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, tal-Belt Valletta.
F’din iċ-ċelebrazzjoni jinxtegħel il-blandun li jissombolizza l-bidu u t-tmiem. Il-fjamma tal-blandun tirrapreżenta d-dawl ta’ Ġesù Kristu.

Ftit wara, fi knisja mudlama u siektha għall-aħħar in-nies preżenti jixgħelu x-xemgħat ta’ xulxin.

Tul din iċ-ċelebrazzjoni l-Arċisoqof Scicluna għammed tnax-il adult li permezz tas-Sagramenti tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija, saru membri tal-Knisja Kattolika. L-Insara l-ġodda huma minn Malta, iċ-Ċina, it-Turkija, il-Latvija, l-Ingilterra, Franza, in-Nepal u l-Albanija.
