Lokali

ĦADD IL-GĦID: Il-Knisja tiċċelebra l-Qawmien ta’ Ġesù Kristu

Ritratti: Joseph Galea

Illum l-insara madwar id-dinja kollha qed jiċċelebraw l-akbar festa tal-fidi Kattolika – l-Għid il-Kbir. F’dan il-jum il-Maltin ifakkru l-Qawmien tal-Mulej mill-mewt b’numru ta’ tradizzjonijiet, fosthom u l-aktar waħda mistennija tkun dik tal-ħruġ tal-vara ta’ Kristu Rxoxt minn numru ta’ parroċċi.

Dawn huma x-xeni ta’ bosta li ħarġu biex jaraw il-vara ta’ Ġesù Irxoxt tiġri mat-toroq, bil-Ġirbin u l-Bormliżi jiċċelebraw din il-festa bil-purċissjoni tal-Irxoxt.

Mal-ħruġ tal-vara, it-tradizzjoni hi li numru kbir ta’ tfal imorru bil-figolli u l-bajd tagħhom ħdejn il-bieb prinċipali tal-Knisja biex jiġu mbierka.

Wara tkompli l-purċissjoni, bi Kristu Rxoxt idur mat-toroq tal-irħula u l-ibliet akkumpanjat minn marċi brijjuż u ċapċip, filwaqt li l-karti kkuluriti mitfuha mill-gallariji tan-nies ikomplu jsebbħu l-atmosfera bid-daqq tal-qniepen jispikka fl-isfond. Il-preżenza tal-familji bit-tfal igawdu din iċ-ċelebrazzjoni mill-isbah tkompli żżewwaq dan il-jum. Bit-temp, xemxi, ippermetta li dawn il-purċissjonijiet isiru.

F’Malta, din it-tradizzjoni tmur lura sekli u huma ħafna l-irħula u l-ibliet li żammew din it-tradizzjoni ħajja fejn eluf iżommu l-appuntament annwali tagħhom biex isegwu l-ġirja bl-Irxoxt.

Sadanittant, aktar kmieni, l-Arċisqof mexxa l-konċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Għid mill-Konkatidral, fejn tkellem dwar l-importanza li t-twemmin tal-poplu, ma jkunx twemmin artifiċjali, imma twemmin ta’ veru li tassew jemmen fil-qawmien ta’ Kristu mill-mewt  u li ma jiddubitax meta jara qabar vojt.