Lokali

“Il-pazjenti se jħossu s-sapport tal-poplu Malti u Għawdxi” – Angele Cuschieri

“B’din is-somma il-pazjenti u l-familjari tagħhom se jħossu s-sapport tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Dan sostnietu l-President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri f’kummenti ma’ Net News hekk kif il-Ġimgħa li għadda Puttinu kellu maratona sabiex jiġbor aktar flus ħalli jkomplu jgħinu lil pazjenti.

Angele Cuschieri qalet li ħassitha emozzjonata ħafna bis-somma finali filwaqt li bis-saħħa ta’ dawn id-donazzjonijiet Puttnu jista jibni aktar appartamenti sabiex aktar pazjenti jkunu jistgħu jmorru Londra għall-kura.

Angele Cuschieri qalet li dawn id-donazzjonijiet ifissru ħafna għall-pazjenti għaliex nies li telgħu Londra qabel ma kien hawn Puttinu ddeskrivew it-tbatijiet li għaddew minnhom għaliex ma kellhom l-ebda għajnuna.

Barra minn hekk, hija qalet li dawn l-appartamenti f’Londra se joffru sens tal-komunità għal dawk il-pazjenti li jkunu hemmhekk għall-kura.

Waqt din il-maratona Puttinu ġabar ftit aktar minn €3 miljuni fejn waqt ix-xandira diversi tfal, żgħażagħ kif ukoll adulti rrakkontaw l-istejjer tagħhom meta huma ġew bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu.