Lokali

Kaos f’Festivals Malta li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministru Owen Bonnici

Ritratt: Matthew Tabone

Rapporti li rriżenjat is-CEO u magħha jirriżenjaw erba’jew ħames uffiċjali għolja oħra

F’dawn il-jiem fl-uffiċċji tagħna ta’ Il-Mument irċevejna diversi rapporti dwar kaos f’Festivals Malta li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministru Owen Bonnici.

Sorsi infurmati żvelaw ma’ Il-Mument li f’dawn il-jiem – preċiżament qabel,  waqt u anki wara l-festival tal-kanzunetta ‘Mużika Mużika’ – kien hemm battibekki kontinwi bejn Aaron Zahra, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, u Annabelle Stivala li hi l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-istess Festivals Malta.
Jirriżulta li l-inkwiet intern kien dwar temi varji u filwaqt li l-Ministru Owen Bonnici milli jidher kien infurmat b’dak li kien qed iseħħ, ma intervjena fl-ebda ħin biex jikkalma s-sitwazzjoni sal-punt li issa mill-kliem Annabelle Stivala għaddiet għall-fatti u tat ir-riżenja tagħha.

Skont is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument jirriżulta li l-miġja ta’ Aaron Zahra f’dan ir-rwol, li hu ben vist minn Robert Abela u Kastilja li tah din il-kariga biex jikkontrolla dak kollu li jagħmel il-Ministru Owen Bonnici, ġabet ħafna tensjoni żejda u wkoll ħafna ndħil bla bżonn.

Dan sal-punt li mhux biss Annabelle Stivala ħassew li ma setgħux jibqgħu jaħdmu b’serenità, imma anki uffiċjali għolja oħra fl-istess Festivals Malta ħassew li huma wkoll kellhom isegwu d-deċiżjoni tal-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni u jagħtu r-riżenja tagħhom.

Tajjeb li jkun ippreċiżat li l-ħatra ta’ Aaron Zahra fit-tmexxija ta’ Festivals Malta saret direttament mill-Prim Ministru Robert Abela li ried li jpoġġi lil xi ħadd f’din il-kariga b’tali mod li jkun jista’ jikkontrolla l-operat tal-Ministru Owen Bonnici li mhu assolutament fdat xejn minn ta’ Kastilja. Mhux biss, iżda Owen Bonnici hu wkoll meqjus minn ta’ Kastilja bħala fost dawk il-Ministri li ma jxejrux il-bandiera ta’ lealtà favur Robert Abela u għalhekk mhux fdat.

Quddiem il-kaos f’Festivals Malta – li għadu kemm organizza l-festival ‘Mużika Mużika’ fejn għal darb oħra rrenjat ħafna nuqqas ta’ trasparenza u politika ta’ ħokkli dahri u nħokklok dahrek – għal darba oħra l-industrija qed tintlaqat b’mod dirett minn kunflitti bla bżonn li qed ikomplu jagħmlu ħafna dannu.

Nifhmu li issa l-Ministru Owen Bonnici, inkariga lil Albert Marshall biex jidħol hu bejn il-partijiet u jipprova jsib tarf din il-kobba mħabbla. Fil-fatt f’dawn il-jiem il-Ministru Owen Bonnici sejjaħ laqgħa urġenti dwar dan ix-xenarju kollu, filwaqt li l-Gvern qiegħed jagħmel kull sforz possibbli biex iżomm mistur dak kollu li qed jiġri f’Festivals Malta u li fl-aħħar mill-aħħar hu ta’ mistħija għall-istess Gvern li anki mill-qasam tal-kultura qiegħed jirnexxielu jaħmi rovina kbira b’dannu għal dawk kollha involuti fl-industrija.