Ewropa Knisja

“Kristu ġab it-tama li t-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin” – il-messaġġ tal-Papa fl-Urbi et Orbi

Kristu qam. Kristu rebaħ. Kristu huwa d-dawl. Kristu ġab it-tama li t-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin, id-dawl jegħleb id-dlam.

Dan hu dak li qal il-Kap tal-Knisja Kattolika fl-Urbi et Orbi tal-Għid il-Kbir.

Madwar mitt elf ruħ imlew Pjazza San Pietru u l-inħawi, biex jisimgħu l-messaġġ tal-Papa Franġisku waqt l-Urbi et Orbi fejn sa anki l-Kap tal-Knisja Kattolika sellem lin-nies li kienu f’Via della Conciliazzione u Piazza Papa Pio XII.

Fuq barra tal-Bażilika kien hemm mat-30,000 fjura mill-Olanda, sinjal tal-ħajja ġdida, it-tama u l-ferħ li jġib miegħu l-Għid, żejnu l-pjazza u l-gallarija tal-loġġa.

Il-Papa Franġisku semma l-isforzi urġenti meħtieġa biex jissolvew kunflitti u firdiet, u biex jinstabu toroq veri ta’ paċi u fraternità, fejn tenna li l-ħażen jinsab xhieda bil-gwerrer li qed isiru madwar id-dinja, b’ħarsa ewlenija lejn dak li qed jiġri fil-Lvant tal-Ewropa.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika tefa’ dawl ukoll fuq is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-ġlied f’Iżrael u fl-Art Imqaddsa, il-Kongo u kif ukoll il-persekuzzjoni tal-insara fl-Eritreja.

Hu sellem b’mod partikulari lill-morda, il-foqra, l-anzjani u dawk kollha li qed ibatu, b’xewqa li jistgħu jsibu l-faraġ.

Lejn tmiem il-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-Knisja talab biex Kristu Rxoxt ifarraġ lir-refuġjati, il-priġuniera politiċi, lil dawk l-aktar vulnerabbli, kif ukoll il-vittmi ta’ ġuħ, droga, u tat-traffikar uman. Huwa wkoll talab lil Alla biex il-pajjiżi iħarsu d-dinjità tal-individwi u li madwar id-dinja ssir il-ġustizzja soċjali.