Futbol Sport

Premier League Ingliż: Draw kumbattut bejn Liverpool u Arsenal

(Ritratt: EPA)

Gowl bir-ras skurjat minn Roberto Firmino żewġ minuti mit-tmiem kien biżżejjed biex isalva punt għal Liverpool fi dro kumbattut, 2-2, mal-liders Arsenal f’Anfield Road. B’dan ir-riżultat, il-vantaġġ ta’ tmien punti għal Arsenal f’ras il-klassifika niżel għal sitta fuq Manchester City, wara li t-tim ta’ Pep Guardiola ġab fix-xejn l-isfida ta’ Southampton fil-ġurnata ta’ qabel.

Madankollu, ir-riżultat finali ma jissodisfa lill-ebda naħa, b’Liverpool jinqatgħu dejjem aktar mill-ġlieda għat-Top Four u b’Man City iqawwu qalbhom li jistgħu jiddefendu t-titlu ta’ Champions peress li lagħbu logħba anqas mill-Gunners u għad iridu jikkonfrontaw lit-tim ta’ Londra fl-Etihad Stadium.

Arsenal ilhom mill-2012 ma jegħlbu lil Liverpool f’Anfield ul-logħba ma setgħex kellha bidu aħjar għall-Gunners meta Gabriel Martinelli (8) approfitta mill-indeċiżjoni ta’ Virgil van Dyk u sħabu biex jixħet ġewwa mill-viċin għall-1-0. Il-Gunners imbagħad irduppjaw meta Gabriel Jesus (30) għola minn bejn van Dijk u Andy Robertson biex mill-ġdid isib ix-xibka ta’ Alisson.

Iżda mbagħad, il-logħba daret b’mod drastiku wara li Mo Salah (42) naqqas id-distakk mill-viċin u t-tieni taqsima rat assedju tar-Reds fuq il-lasta ta’ Aaron Ramsdale – b’Salah jitlef penalty ( it-tieni wieħed mitluf mill-Eġizzjan f’dan l-istaġun) meta xxuttja barra mill-ħdax il-metru.

Il-penalty ingħata għall-fawl fil-kaxxa ta’ Rob Holding fuq Diogo Jota, b’Liverpool jippersistu bl-attakki fejn Salah u Darwin Nunez – waħdu quddiem Ramsdale – fallew aktar opportunitajiet tad-deheb, b’Arsenal ma jidhru imkien.

Iżda l-gowl kien fl-ajru u fl-88 minuta, Alexander-Arnold għadda l-ballun minn bejn saqajn Zinchenko qabel dendel kross perfett għas-sostitut Firmino biex jagħmilhom 2-2 b’header imprendibbli.