Futbol Sport

Premier League Ingliż: Leeds Utd umiljati f’darhom minn Crystal Palace

Leeds United sofrew disfatta kerha fil-konfront ma’ Crystal Palace f’Elland Road u fejn spiċċaw megħluba bl-iskor sorprendenti ta’ 1-5.

Fil-fatt, ir-reazzjoni ta’ Palace kienet perfetta wara li Patrick Bamford fetaħ l-iskor għal Leeds — u għall-50 gowl tiegħu bil-flokk tal-Yorkshiremen — wara biss 21 minuta.

L-Eagles illum huma tim ittrasformat mindu Roy Hodgson ħa r-riedni minflok Patrick Vieira u – wara l-ewwel rebħa tas-sena (ġimgħa ilu) għall-ispejjeż ta’ Leicester – huma rnexxielhom japprofittaw mid-difiża fraġli ta’ Leeds biex iwieġbu xejn anqas minn ħames darbiet u jaqtgħu kull tama tal-avversarji li jiksbu mqar punt.

Ir-rimonta bdiet sekondi qabel il-mistrieħ – u proprju meta Leeds kienu qed jagħfsu għat-tieni gowl tagħhom. Dan meta l-midfielder ta’ Palace, Marc Guehi, irċieva mingħand Michael Olise biex għeleb lill-gowlkiper Meslier bi flick mill-viċin.

It-tieni taqsima kienet tassew diżastruża għal Leeds li f’żewġ minuti biss – bejn it-53 u l-55 minuta — sabu ruħhom 3-1 minn taħt wara żewġ attakki inċiżivi tal-avversarji.

L-ewwel minn dawn il-gowls wasal minn Jordan Ayew – il-plejer tal-logħba – li sab ix-xibka bir-ras fuq il-kross ta’ Eberechi Eze. Il-partita bilkemm laħqet bdiet mill-ġdid meta l-istess Eze għamilhom tlieta fuq il-pass meqjus ta’ Olise u bid-difiża ta’ Leeds ma tidher imkien.

Il-Yorkshiremen ma kellhom l-ebda risposta u fis-sebgħin minuta, Palace skurjaw ir-raba’ gowl minn Odsonne Edouard li sab ir-rokna tax-xibka fuq kontra-attakk veloċi.

Il-gowl iddemoralizza għal kollox lill-plejers ta’ Leeds u ma kenitx sorpriża meta Ayew għaqqad id-doppjetta personali bil-ħames gowl ta’ Palace. Dan wasal b’lob minn fuq ras Meslier li kien ikkommetta ruħu kmieni wisq għall-ballun u bil-gowl jikkonferma s-superjorità netta tat-tim ta’ Hodgson.

B’din ir-rebħa, Palace telgħu fit-tnax il-post tal-Premier League waqt li Leeds jinsabu f’inkwiet serju fis-sittax il-post – b’vantaġġ ta’ żewġ punti biss fuq iz-zona l-ħamra.