Erġajt twelidt mill-ġdid… ipprova jifgani… ipprova joqtolni… issa rrid nibni lili nnifsi u nagħmel karriera – Valeria Sultana li wara dan l-inċident trawmatiku bniet lilha nnifiha, daħlet fix-xena tal-ispettaklu u l-mużika u llum bidlet isimha għal Marie Valerie
Lil dawn in-nisa nħeġġiġhom biex jemmnu fihom infushom u jitkellmu u jfittxu l-għajnuna għaliex il-ħajja hi qasira u ħadd m’għandu xi dritt biex jikkalpesta jew jagħmel diffiċli l-ħajja ta’ ħaddieħor.
Jisimha Valeria Sultana u għandha 28 sena. Illum bidlet isimha għal Marie Valerie għaliex fl-aħħar tliet snin ħajjitha nbidlet ta’ taħt fuq. Bdiet tesperimenta bil-kitba u eventwalment daħlet ukoll fix-xena tal-ispettaklu u l-mużika lokali u għalhekk nisslet dan l-isem ta’ ‘Marie Valerie’ għal skop ta’ palk iżda wkoll b’tifkira ta’ oħtha li mietet meta kienet għadha tarbija.
Ma’ Marie Valerie ltqajt fil-jiem li għaddew u tkellimna dwar l-esperjenza trawmatika li għaddiet minnha madwar tliet snin ilu meta dak li kien ‘il-maħbub’ tagħha refa’ jdejh fuqha sal-punt li pprova jgħallaqha fil-karozza fejn kienu. Kien attentat dirett fuq il-ħajja tagħha u dakinhar ħelsitha biss mill-mewt grazzi għall-kobor ta’ Alla.
Marie Valieri tgħid li kieku ma ħelsithiex minn taħt idejh dakinhar, allura llum ilha taħt it-trab. Mejta. Imma l-Mulej kellu pjanijiet oħra għal dik li darba kienet Valeria Sultana… ċioè li tgħaddi minn din l-esperjenza diffiċli, toħroġ minnha, titgħallem minnha u taqbad it-triq biex tagħmel karriera ta’ suċċess filwaqt li tibni lilha nnifisha.
Xi drabi b’għajnejha jleqqu, Marie Valerie bdiet tirrakkontali fid-dettal ħafna mill-episodji li għaddiet minnhom fiż-żgħożija tagħha.
“Jien kont f’relazzjoni mifruxa fuq perjodu ta’ tmien snin. Relazzjoni ma’ ġuvni akbar minni li minn xi drabi kienet b’saħħitha, minn xi drabi kienet normali, minn xi drabi kienet suspettuża u bierda… u minn xi drabi kienet wieqfa għalkollox.”
Marie Valerie qalet li meta kellha sbatax-il sena kienet f’post tad-divertiment f’Paceville u ltaqgħet ma’ ġuvnott Għawdxi. Kelma ġġib lil oħra u finalment dawn iż-żewġ żgħażagħ bdew jaraw spiss lil xulxin. Qalilha li għalkemm hu kien Għawdxi, iżda minħabba n-natura tax-xogħol tiegħu kien jgħix permanentament Malta u għalhekk dan il-fattur kien se jgħin lir-relazzjoni tagħhom.
Marie Valerie tirrakkonta b’sodisfazzjon li għall-bidu din kienet relazzjoni mill-aktar eċċitanti u sabiħa. “Bħal kull bidu ta’ ħafna relazzjonijiet li jgħaddu minnhom iż-żgħażagħ. Dan għalkemm id-diffikultajiet ma kenux jonqsu. Fil-fatt illum meta nħares lura nifhem li r-relazzjoni li kellna qatt ma kienet waħda stabbli.”
Tirrakkonta li huma kienu jfittxu l-kumpanija ta’ xulxin u wkoll li joħorġu spiss… anki jekk spiss kienu jitlewmu imma fl-aħħar mill-aħħar dejjem kienu jispiċċaw mill-ġdid flimkien.
Hi tkompli li: “Wara ftit xhur mill-bidu ta’ din ir-relazzjoni bdejt inħoss li dan iż-żagħżugħ kien qed jiżviluppa fih ċertu elementi ta’ għira fil-konfront tiegħi. Din kienet xi ħaġa li lili kienet bdiet iddejjaqni ħafna.
“Eventwalment aktar ma din ir-relazzjoni bdiet dieħla ’l ġewwa, bdejt nosserva fih li kien beda jigdibli wkoll. Pereżempju darba minnhom staqsejtu direttament għaliex kien qiegħed iteptep spiss għajnejh u hu weġibni li dan kien b’riżultat tal-lenses li kien jilbes. Ġara li eventwalment intbaħt li dan ma kienx minnu. Imma hu kien qiegħed iteptep spiss għajnejh minħabba ċerti sustanzi li kien qiegħed jieħu minn wara dahri.”
Marie Valerie tkompli tgħid: “Konna nħassru u nerġgħu nirranġaw. Storja ta’ diversi drabi sal-punt li ġieli rani ma’ xi rġiel u kien jaqla’ l-ġlied. Naturalment fil-fażijiet li jien ma kontx għadni marbuta miegħu. Imma dan kollu hu ma kienx jifhmu. Jew ma jridx jifhmu.
“Ġara li għal ċertu żmien din ir-relazzjoni waqfet kompletament u jien dħalt f’relazzjoni differenti. Wara sentejn f’din ir-relazzjoni rrealizzajt li jien ma kontx kuntenta b’din ir-relazzjoni għaliex jien kont għadni nħobb lill-ġuvnott Għawdxi. Għalhekk ħassart u erġajt bdejt niltaqa’ mal-ewwel żagħżugħ.
“Darba erġajna bdejna noħorġu flimkien u bdejt nosserva fih taqlibiet kbar. Fi ftit kliem issa dan iż-żagħżugħ kien daħħal f’ħajtu l-vizzji tax-xorb u d-droga. Beda jara wkoll, minn wara dahri, tfajliet oħra fl-istess waqt li konna flimkien.
“Naturalment hu ma kienx qiegħed jurini dak kollu li kien qiegħed jagħmel, iżda bdejt nintebaħ b’dawn il-vizzji. L-imħabba hi għamja u jien f’dak il-perjodu ppruvajt nagħmel minn kollox biex ngħinu u anki biex niskużah.”
Bejn demgħa u oħra, Marie Valerie tgħid li l-vizzju tad-droga beda dieħel sew ’il ġewwa fih sal-punt li l-vizzju beda jaggrava. Dan flimkien max-xorb li hu kien jikkonsma. Dan kollu wasslu biex spiċċa tkeċċa mill-post tax-xogħol fejn kien iservi.
Sadattant hu spiss kien jiġi Malta u konna niltaqgħu anki jekk bosta drabi konna niltaqgħu b’koinċidenza għaliex hu kien jiġi fil-post tad-divertiment fejn kont inkun jien. “Biex ngħid kollox anki jien kont xi drabi mmur Għawdex imma dejjem għamilt dan bi ftehim miegħu biex niltaqgħu.
“Darba minnhom, madwar tliet snin ilu, mort Għawdex flimkien ma’ xi ħbieb tiegħi. Hu kien jaf li kont Għawdex u ftehimna li niltaqgħu f’post partikulari. Hu kien diġà qed joħroġ ma’ tfajla oħra. U dan kont smajtu mingħand in-nies. Kont naf ukoll li bejniethom kien hemm rapporti intimi. Imma mhux biss, kont sirt naf ukoll li hu kien refa’ jdejh fuqha! Dan kollu sirt nafu mingħand sħabi.
“Madankollu xorta ltqajt miegħu għaliex minkejja dak kollu li kont smajt dwaru, xorta waħda ħassejt li ma kellix niġġudikah.
“F’dak il-perjodu partikulari iżda hu ma kienx qiegħed joħroġ ma’ din it-tfajla – qalli – għaliex kienu miġġeldin.
“Kienet lejla fejn konna morna f’bar nieħdu drink u sħabi xejn ma ħadu gost jarawni nitkellem miegħu. Aktar tard filwaqt li sħabi telqu lil hemm għaliex hu kellu xi jgħid magħhom, aħna bqajna hemm nixorbu.
“Imbagħad stedinni biex immur miegħu fil-karozza. Jien ma kontx naf fejn se jeħodni iżda kont konxja mill-istat tiegħu li kien fi stat ta’ xorb u droga.
“Saq hu filwaqt li fil-karozza bdejna nitkellmu. F’mument minnhom kont soda u għedtlu li kemm-il darba hu se jibqa’ f’din il-ħajja ta’ droga u xorb, allura dan kollu ma kienx jgħodd għalija.
“Għedtlu li ma kontx qed inħossni aktar komda miegħu u allura aħjar li kollox jieqaf hemm. Għedtlu li ma kontx qed inħoss li stajna nibnu familja flimkien f’dak ix-xenarju kollu.”
Marie Valerie tgħid li dak id-diskors tagħha wasslu biex hu nkorla tassew. “Meta għedtlu dan id-diskors hu waqqaf ħesrem il-karozza. Ħadli l-mobile minn idi u kissru u ramih. Naturalment konna fi triq fi dlam ċappa iżda stajt nara fil-ġnub tagħha rdumijiet għal isfel.
“Jien komplejt ngħidlu li qatt ma seta’ jkolli relazzjoni serja miegħu, la familja u anqas aktar kuntatt f’din is-sitwazzjoni li hu kien jinsab fiha. Kien f’dan il-mument li hu ħebb għalija. Qabadni minn għonqi u b’idejh it-tnejn beda jipprova jifgani. Mhux ċajta. Filwaqt li jien ksaħt u ma kelli l-ebda forzi biex nipprova nirreżisti jew nimbottah minn fuqi.”
Marie Valerie, bid-dmugħ f’għajnejha, kompliet li: “Ksaħt u ma kontx naf aktar x’għandi nagħmel. Ippruvajt nikkalmah biex ineħħ l-pali ta’ idu minn ma’ għonqi għax kien qiegħed iweġġagħni. Iżda hu qalli li
ma kellux x’jitlef u żied jgħidli li f’dak il-ħin hu ma kienx se jiddejjaq isuq il-karozza minn fuq l-irdumijiet għal isfel b’aħna t-tnejn ġewwa fiha.
“Ripetutament beda jgħidli li ma kellu xejn x’jitlef la darba jien ma kontx lesta li nkompli nibni relazzjoni miegħu.
“Grazzi għall-Bambin f’mument minnhom hu neħħa jdejh min ma’ għonqi. Ħassejtu għalija li dak kien mument mirakoluż miegħi. Kont ħlistha minn ħalq il-mewt. Il-Bambin ried xi ħaġa oħra minni. Għedtlu biex isuq u jeħodni lura fejn kien hemm sħabi, iżda hu saq u minflok ħadni d-dar ta’ ommu. Dħalna ġewwa u l-ġenituri tiegħu kienu reqdin.”
Marie Valerie tkompli: “Erġajtna tkellimna fuq il-fatt li kien refa’ idu fuq persuna oħra għaliex dan kont smajtu mingħand sħabi u għedtlu li din l-imġiba ma kenitx korretta la fil-kofront ta’ dik it-tfajla u issa anqas fil-kofrontt tiegħi wara li kien ipprova jifgani.
“Dħalna fis-sodda u komplejna nitkellmu. Imbagħad ipprova jagħmel relazzjoni intima miegħi bl-iskop li joħroġni tqila. Jien m’aċċettajtx dan kollu u pprovajt nikkalmah biex jorqod.
“Meta assigurajt ruħi li hu kien raqad, ħriġt mill-friex, ħriġt mill-kamra u spiċċajt wiċċ imb wiċċ ma’ ommu li ma kont rajtha qatt qabel. Bdejna nitkellmu u stajt nifhem li anki din l-omm kienet fil-fatt tibża’ minn binha.”
Marie Valerie tkompli tgħid li issa kien laħaq sebaħ u allura ċemplet lil ommha mill-mobile ta’ omm iż-żagħżugħ Għawdxi li kien kissrilha l-mobile tagħha biex tgħidilha li hi kienet qawwija u sħiħa u li ma kellhiex għalfejn titħasseb dwarha jekk iċċemplilha u ma taqbadhiex għaliex fil-verità l-mobile tagħha kien inkissrilha.
Sussegwentement kienu l-ġenituri tiegħu li wassluha ħdejn sħabha u fil-frattemp hi kienet tkellmet ma’ ommu li kienet qaltilha li binha kellu l-vizzju tad-droga u x-xorb; li kien jinkwetaha ħafna u li spiss kien jispiċċa bla flus tant li kien spiss idur fuqha għall-flus biex jonfoqhom fid-droga. Saħansitra numru ta’ appartamenti li kellha l-familja kienu spiċċaw ‘inħarqu’ f’xiri ta’ droga!
Omma, tibki bid-dulur ta’ binha, saħansitra talbitni bil-ħniena biex ma mmurx għand il-Pulizija u nirrapporta dak li kont għaddejt minnu. Lilu wara dak l-inċident ferm ikrah, qatt u qatt ma kellimtu aktar. Wara sirt naf li hu kien spiċċa bi problemi ta’ saħħa mentali.
Hi tgħid ukoll li b’dik il-ġrajja kerha li kienet għaddiet minnha lill-ġenituri tagħha qatt ma kienet qaltilhom xejn. Saħansitra anki kienet tgħatti l-marki tas-swaba’ ma’ għonqha billi tagħmel ħafna foundation.
Mistoqsija kif tħares illum lejn din l-esperjenza kerha li għaddiet minnha, Marie Valerie tgħid li l-Bambin ġibidha minn xagħarha. “Missieri kien jiftaħli għajnejja biex ma nibnix relazzjoni miegħu. Imma jien kont nagħmel ta’ rasi. Iżda mbagħad ġejt fi kliem il-ġenituri tiegħi li dejjem ħabbewni u għożżewni.
“Fil-fatt jien wara dak l-inċident mhux biss qatt ma mort nirrapportah lill-Pulizija, iżda ħassejtni li bdejt ninbidel. Bdejt nesperimenta ħafna bil-kitba. Imbagħad bdejt inżerżaq xi poeżija. U fi ftit taż-żmien bdejt nikteb lirika għad-diski. Sibt lil min jgħinni u jinkoraġġini f’dak kollu li kont qiegħed nagħmel.
“U meta darba ktibt kanzunetta u mort biha għand Cyprian Cassar, li hu produttur tal-kanzunetti u tajtu l-kitba u għedtlu biex isibli lil xi ħadd biex ikantaha, qalli ‘Dik se tkantaha int stess!’ Filwaqt li inkoraġġieni biex issa nibda mmur għal-lezzjonijiet tal-vuċi u biex nitgħallem inkanta… lezzjonijiet li għadni nattendi għalihom sal-ġurnata tal-lum.
“Daħħalt f’moħħi l-mentalità li jekk irrid xi ħaġa, allura naħdem għaliha biex niksibha. U bdejt noħroġ id-diski. Diski kemm li nikteb jien stess jew ta’ artisti ħaddieħor u nkantahom jien. Issa qed nipprepara biex nipparteċipa fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ X-Factor u jalla mmur tajjeb hemmhekk ukoll.”
Hi tgħid li llum tħossha li nbidlet ħafna u li kibret ħafna. Anki fuq livell personali u fix-xogħol tagħha fejn għandha karriera li tieħu bl-akbar serjetà u impenn u fejn hi rispettata ħafna.
“Skoprejt li għandi numru ta’ talenti li rrid inħaddem biex nissokta nimxi ’l quddiem fil-ħajja u ninkoraġġixxi lil kull min għadda minn xi esperjenza ta’ femiċidju biex ma joqgħodx jibki xortih, iżda jqum fuq riġlejh, jiġġieled għad-drittijiet tiegħu u ma jħalli lil ħadd ikasbru.”
Hi temmet li taf li hawn għadd ta’ nisa li għaddew jew għaddejjin minn każijiet diffiċli ħafna. “Lil dawn in-nisa nħeġġiġhom biex jemmnu fihom infushom u jitkellmu u jfittxu l-għajnuna għaliex il-ħajja hi qasira u ħadd m’għandu xi dritt biex jikkalpesta jew jagħmel diffiċli l-ħajja ta’ ħaddieħor.”
//= $special ?>