Sport Sport Ieħor

Volleyball: Paola Volleyball Club jirbaħ tornew internazzjonali fi Sqallija

Paola Volleyball Club rebaħ l-ewwel edizzjoni tat-Tornew Internazzjonali tan-Nisa “Conca d’Oro” li sar bejn it-3 u t-8 t’April f’Monreale fi Sqallija wara li rebħu l-erba’ logħbiet li lagħbu

Din l-attivita’ ġiet organizzata fil-kumpless sportiv ta’ Antonio Veneziano minn ASD Primula ta’ Monreale, assoċjazzjoni sportiva li ilha iktar minn ħamsin sena torganizza attivitajiet relatati mal-volleyball, kemm għall-irġiel u anke għan-nisa. F’dan it-tornew ħadu sehem erba’ timijiet li huma ASD Primula A, ASD Primula B, Volley Asiago u Paola Volleyball Club.

Il-plejers ta’ Raħal Ġdid, taħt it-tmexxija tal-coach Mark Hili, kellhom prestazzjoni ferm pożittiva fejn rebħu l-erba’ logħbiet li lagħbu. Fl-ewwel logħba, Paola Volleyball Club rebħu lil Primula bi skor ta’ 3-0, segwita minn rebħa fuq Volley Asiago ta’ 3-0. Il-Pawlisti kisbu rebħa oħra ta’ 3-0, din id-darba kontra Primula B. L-aħħar partita kienet il-finali bejn l-ewwel u t-tieni post, bil-Pawlisti għal darb’oħra joħorġu rebbieħa, din id-darba bl-iskor ta’ 3-1 kontra Volley Asiago. Wara din il-finali, il-captain ta’ Paola Volleyball Club, Cynthia Duncan, kienet ippreżentata t-trofew mis-Sindku Alberto Arcidiacono, u l-uffiċjali Letizia Sardisco u Salvo Giangreco.

F’kummenti li ta il-President tal-club, Dr Kenneth Vella, dwar il-parteċipazzjoni tat-team f’din l-attivita’, saħaq li dan it-tornew internazzjonali kien esperjenza siewja għat-team. “Din l-attivita’ ġiet ftit jiem biss wara s-suċċess ta’ training camp li sar hawn Malta u li kien immexxi mill-aġent Taljan Stefano Negrini bil-parteċipazzjoni ta’ coaches u plejers professjonali Taljani. Dan it-training camp, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-club fi Sqallija, juri biċ-ċar l-istrateġija preżenti ta-kumitat li jsaħħaħ mhux biss in-nursery imma li jipprovdi opportunitajiet t’esperjenzi internazzjonali lill-plejers il-kbar. Dawn l-esperjenzi ma kinux ikunu possibbli mingħajr is-sapport finanzjarju u loġistiku ta’ diversi kumpaniji u individwi, fosthom Executive Security, Dragonara Casino and Brasserie, Maypole u De Paola Pharmacy.” temm Dr Vella.

Il-President tal-club ta’ Raħal Ġdid jirringrazzja wkoll lis-Sur-Ronnie Calleja, il-President tal-Assoċjazzjoni Sportiva Hibernians għas-sapport kontinwu, kif ukoll lill-membri tal-kumitat Carmen Gauci, Alexia Brincau, Claire Falzon u Tiziana Bonnici għad-dedikazzjoni tagħhom lejn il-club. Il-club Pawlist żgur se jibbenefika minn dawn l-esperjenzi fil-logħbiet tal-kampjonat li jmiss. Il-club hu matematikament diġà promoss għas-Superleague l-istaġun li ġej.