Lokali

“Fil-mumenti kritiċi l-Prim Ministru wegħedna ħafna iżda mbagħad ma sibnieh għal xejn” – Antonio Calleja

Din tal-lum mhix storja tas-soltu imma hi qrara ta’ missier li f’Ottubru li għadda kellu lill-ibnu involut f’inċident serju waqt li kien qiegħed jipprattika l-isport favorit tiegħu… u meta dan iż-żagħżugħ ġie wiċċ imb wiċċ mal-ħtieġa li jingħata għajnuna speċjalizzata… sab biss lill-Ambaxxata Taljana f’Malta li daħlet b’ruħha u b’ġisimgħa biex tgħin.

“Ġrejt fuq li ġrejt. S’għand il-Prim Ministru Robert Abela mort li semagħna u wegħedna l-għajnuna tiegħu. Iżda darba ħriġna minn Kastilja ma smajna assolutament xejn aktar mingħandu u għalhekk spiċċajna daharna mal-ħajt u salvatna biss l-Ambaxxata Taljana f’Malta.”

Hekk beda biex qalli Antonio Calleja li bħalissa għand lil ibnu Andrea Calleja jissielet għal ħajtu fi sptar speċjalizzat fl-Italja wara li f’Ottubru li għadda kellu inċident ikrah waqt li kien qiegħed jipprattika l-isport favorit tiegħu.

Antonio Calleja, diversi drabi bid-dmugħ f’għajnejh, fisser li l-inċident ġara fit-8 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra meta t-tifel – Andrea Calleja ta’ 31 sena – kien qiegħed jipprattika l-isport favorit tiegħu li hu magħruf bħala The Grid.

Ġara li fl-aħħar ostaklu niżel rampa fuq rasu u għaliex l-ilma kien f’livell baxx, ħabat rasu u kiser is-C4 tax-xewka tad-dahar. Wieħed mill-ewwel rukkelli tax-xewka tad-dahar.

Kellu jiddaħħal b’urġenza fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fejn l-għada kien operat u nstab li kien f’kundizzjoni mill-aktar kritika u serja tant li fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei għamel xejn inqas minn disa’ ġimgħat. Dawn kienu ġimgħat ċirkondati minn ħafna taqtigħ ta’ qalb. Nitolbu lil Alla kontinwament iżda ħadd ma jaf kif kienet se tiżviluppa din l-istorja.

Sussegwentement qalulna li t-tifel kien bela’ l-ilma u kellu infezzjoni  serja fil-pulmun u din is-sitwazzjoni poġġietu aktar u aktar f’qagħda kritika minħabba li kellu diffikultà biex jieħu n-nifs.

Antonio Calleja fisser li wara ħafna taqtigħ ta’ qalb lit-tifel tellgħuh għal ġimgħa f’sala fl-Isptar Mater Dei iżda mbagħad ittrasferixxewh għal aktar kura fl-Isptar Karen Grech.

Hu qal li meta bdew igerrbu l-jiem, irriżulta li hemmhekk ma kellhomx il-kura speċjalizzata li kellu bżonn it-tifel għaliex fl-Isptar Karen Grech kien hemm Spinal Unit li rriżulta li kien żmantellat. Fil-verità rriżulta li fl-aħħar snin – għal xi raġuni jew oħra – dan l-Ispinal Unit ma baqax jiffunzjona u jeżisti fis-servizzi u fil-faċilitajiet tas-Saħħa li joffri l-Istat.

Antonio Calleja, filwaqt li kellu ħafna kliem ta’ tifħir għall-persuni kollha li jservu fl-oqsma tal-fiżjoterapija u fl-occupational therapy u għat-tobba kollha konċernati, qal li fil-verità dawn in-nies dedikati m’għandhomx l-għodda meħtieġa biex jaħdmu u jservu lill-pazjenti.

Qalilna li f’jum partikulari, waqt li kien qed jitkellem fil-post tax-xogħol tiegħu – fl-Ambaxxata Taljana f’Malta – sar jaf li seta’ jikkonsidra li jieħu lit-tifel tiegħu għall-kura fl-Italja grazzi għal ftehim komuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea bħala Transborder Agreement.

Dan it-Transborder Agreement jaħseb biex ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jingħataw kura jew operazzjonijiet speċjalizzata fi sptarijiet oħrajn fl-Ewropa. Dawn il-pazjenti għandhom id-dritt li jintbagħtu fil-pajjiż Ewropew li jkun joffri l-aqwa servizz fir-rigward tal-kundizzjoni partikulari li jkunu jinsabu fiha.

Darba li f’Malta Andrea Calleja ma setax jingħata l-aqwa trattamenti u kura li kellu bżonn għall-qagħda tiegħu, allura missieru mar għand is-Segretarju Permanenti Joseph Chetcuti fil-Ministeru tas-Saħħa fejn spjegalu fid-dettall il-kwistjoni kollha u l-ħtieġa li ibnu jintbagħat l-Italja għall-kura.

Sussegwentement Antonio Calleja kien mgħarraf mill-istess Segretarju Permanenti  Joseph Chetcuti li fil-Ministeru tas-Saħħa li ma kellhomx fondi biex ibnu seta’ jintbagħat l-Italja. Din kienet ħasda kbira ħafna għall-familja Calleja li qatt ma stenniet risposta f’dan is-sens aktar u aktar meta l-Istat jiftaħar bis-servizzi ta’ kura li joffri lill-pazjenti, kemm jekk ikollhom bżonn l-attenzjoni u l-kura f’Malta, u anki jekk lil hinn minn xtutna.

Hawnhekk il-missier beda jara x’seta’ jagħmel biex ibnu ma jibqax fil-qagħda li kien fiha u f’mument minnhom sab kollaborazzjoni kbira biex it-tifel tiegħu jintbagħat għall-kura li kellu bżonn fi sptar speċjalizzat fl-Italja u għal dan kollu m’għandux biżżejjed kliem ta’ ringrazzjament u tifħir lejn il-kollegi tiegħu fl-Ambaxxata Taljana f’Malta.

Iżda qabel, Antonio Calleja mar fiżikament għand il-Prim Ministru Robert Abela li laqgħu u spjegawlu l-istorja kollha x’kienet. Hu wiegħed li kien se jidħol f’dan il-każ u jara x’għajnuna kellhom bżonn għaliex fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela stess, dan kien każ umanitarju.

Iżda minn dik il-laqgħa ’il quddiem huma ma semgħu xejn aktar. Mhux talli ma semgħu xejn, iżda meta kien wasal il-mument biex Andrea Calleja jittieħed fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex jintbagħat Ruma, il-familja anqas biss kienet offruta s-servizz ta’ ambulanza jew xi tip ta’ trasport speċjalizzat ieħor, biex Andrea Calleja seta’ jittieħed lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Kellha tkun il-Malta Community Chest Fund li daħlet hi biex tipprovdi t-trasport kollu meħtieġ għal dan il-vjaġġ mill-Isptar Karen Grech għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Dwar din l-esperjenza ħadt ukoll il-kummenti ta’ Peter Agius li hu wieħed mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-MEPs is-sena d-dieħla, u li kien hu li ressaq lil Antonio Calleja ma’ Il-Mument.

Hu qal li hi tal-mistħija kif il-Gvern – f’dan il-każ il-Ministeru tas-Saħħa, qed jiżloq minn każijiet bħal dawn fejn Maltin ikollhom bżonn ta’ xi kura speċjalizzata f’xi sptar ieħor lil hinn minn xtutna u dan għas-sempliċi raġuni li issa l-finanzi qed jagħfsu.

Peter Agius qal li din hi sitwazzjoni tal-mistħija kif il-Gvern Laburista qed jixxaħħaħ mal-pazjenti Maltin li għandhom id-dritt li jfittxu kura barra minn Malta f’każi straordinarji. Naturalment il-Liġi Ewropea tagħti dan id-dritt lill-pazjenti huma fejn huma iżda fl-istess ħin il-Liġi Ewropea tagħti wkoll – peress li din hi direttiva – lill-Gvern ċertu marġni ta’ manuvri għal skop ta’ interpretazzjoni.

Il-Gvern qatt u qatt m’għandu jixxaħħaħ u jipprova jiffranka minn fuq il-pazjent Malti jew Għawdxi u għandu jfittex biss li jagħti l-aqwa u l-aħjar lil dak li jkun biex jerġa’ jikseb lura saħħtu, temm Peter Agius.