Il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Edwina Grima ikkonfermat sentenza fil-konfront ta’ Daniel Farrugia ta’ 37 sena mill-Mosta fejn ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li sabitu ħati li ta b’ħadida lil ġuvni bil-konsegwenza li tilef għajn minnhom. Il-Qorti ordnat ukoll li l-vittma jingħata kumpens mill-ħati ta’ 10,000 u li jekk dan ma jħallashomx, jiġu kkonvertiti f’ħabs.
F’kawża ċivili għad-danni li nstemgħet quddiem l-Imħallef Anthony Ellul u li ġiet deċiża l-vittma Robert Azzopardi kien ingħata kważi 60,000 ewro f’danni, liema somma għadha ma ngħatatx lill-vittma. Fuq ir-reat li fuqu Daniel Farrugia instab ħati, dan kien seħħ f’Mejju ta’ 12-il sena ilu, għall-ħabta tal-10.45 p.m., fi Triq il-Ġibjun fil-Mosta.
Farrugia nstab ħati li ħebb għal Robert Azzopardi u għal Charmaine Debono, li kkaġuna ġrieħi gravi lil ġuvni, li heddidhom heddidhom u li kiser il-paċi pubblika. Farrugia kien qal li hu kien qed jiddefendi lilu nnifsu, madankollu l-vittmi qalu li kien hu li ħebb għalihom u pprovoka l-inċident, argument li qablet miegħu anke l-ewwel Qorti.
L-Avukat Ġenerali dak iż-żmien kien appella mis-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati minħabba li ma qabilx li raġel li nstab ħati li kkaġuna feriti ta’ dik il-portata jingħata sentenza sospiża. L-argument inqala’ wara li l-akkużat kien qed isuq fi Triq iz-Zokar meta ħa brejk qawwi.
Dan bil-konsegwenza li l-vittma li kien qed isuq warajh kien kważi laqtu. Azzopardi qal fil_Qorti li l-akkużat saq għal ġo fih wara li pprova jaqilgħu meta reġa’ ħa brejk u waqaf. Qal li hawn niżel jidgħi u joffendih u meta qallu biex jitlaq, l-imputat mar għalih, tah daqqa f’sidru u spiċċaw it-tnejn mal-art.
Xehed li wara li marru xi nies biex iferrquhom, l-imputat kompla jheddu li se jaħarqu bil-vann tax-xogħol u kien hawn li qabad ħadida u beda jxejjirha bil-konsegwenza li laqat il-mara ta’ ħabib tiegħu fuq rasha u lilu f’għajnejh. Min-naħa tiegħu l-akkużat xehed li l-argument inqala’ wara li Azzopardi beda jteptiplu d-dawl. Qal li xejjer il-ħadida iżda jaħseb li ma laqat lil ħadd.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit klienet ikkonkludiet li l-verżjoni tal-vittma hija dik korretta u hi vera. Il-Qorti qalet li kieku Farrugia verament kien qed jiddefendi lilu nnifsu kien jitlaq lejn l-għassa u mhux joħroġ ixejjer ħadida.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit kien tenniet ukoll li l-ġrieħi li ġarrab il-ġuvni li tilef għajn waħda mhumiex kompatibbli ma’ persuna li qed tiddefendi lilha nnifisha. Il-fatt li laqat lil Debono fuq rasha u lil Azzopardi u kkaġunalu ġrieħi tant gravi, ma jistax ikun li ma ntebaħx li laqathom. “Din assolutament mhix kredibbli”, qalet il-Maġistrat, verżjoni kkonfermata mill-Imħallef Grima.
Saret ukoll kritika mill-Qorti fil-konfront ta’ l-Ispettur Edmond Cuschier minħabba li għal diversi seduti m’attendiex għall-kawża u lanqas informa kollegi tiegħu biex jattendu minfloku bil-konsegwenza li dawn il-proċeduri ttawlu bla bżonn.
L-Imħallef Edwina Grima qalet ukoll li tinsab mħassba kif għalkemm għaddew ħafna snin il-ħati ma rax illi kellu jikkumpensa lil vittmi ta’ dan ir-reat għad-danni minnhom sofferti. Il-Qorti qalet dan fid-dawl tas-sentenza mogħtija
mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fl-ismijiet Robert Azzopardi vs Daniel Farrugia, deċiża fis-27 ta’ Ottubru 2014, fejn l-ħati kien ikundannat iħallas lil parti offiża s-somma ta’ €59,904, bl-imgħaxijiet mid-data tas-sentenza.
Fit-trattazzjoni orali magħmula mill-avukat difensur tal-parti offiża Kathleen Grima quddiem il-Qorti jidher li Daniel Farrugia baqa’ ma ħallasx lill-vittma għad-danni li sofra, kif kien ikundannat jagħmel permezz tal-imsemmija sentenza lura fis-sena 2014, kważi 10 snin ilu. Minn naħa tiegħu l-ħati ma iressaq ebda prova illi huwa ħallas din is-somma bħala kumpens.
Dwar l-10,000 ewro li mponiet il-Qorti fuq il-ħati qalet li dan l-ammont huwa wieħed raġonevoli meta wieħed iqis it-tul taż-żmien minn mindu seħħ l-inċident, il-ħsara konsiderevoli kkaġġonata lill-vittma li qiegħed jitlef il-viżta ta’ għajnejh u l-ħsara finanzjarja u psikoloġika li sofra, qiegħed isfori u se jibqa’ jsofri sfortunatament għal ħajtu kollha. Il,-Qorti kellha wkoll kliem iebes għall-fatt li minn 49 seduta saru biss 40.
Għal dawn il-motivi qalet l-Imħallef li kienet qed tilqa’ parzjalment l-appell ta’ l-Avukat Ġenerali, bil-ħati jkun ikkundannat iħallas l-ispejjez peritali fl-ammont ta’ 414.79ċ. iżda varjat il-piena nflitta billi filwaqt li tikkonferma dik il-parti tas-sentenza sospiża, wara li rat l-artikolu 28H tal-Kodiċi Kriminali tikkundannah iħallas lil parti offiża Robert Azzopardi s-somma ta’ €10,000 bħala kumpens għal ħsara minnu sofferta u li se jkompli isofri minnha fis-snin li ġejjin, u dan fi żmien tliet xhur mill-għoti tas-sentenza. Għal Daniel Farrugia deher l-Avukat Mario Mifsud.
//= $special ?>