Anzjan ta’ 78 sena minn Ħad-Dingli li kien kaġun li martu tlfet ħajjitha meta kien qed jirriversja l-vann tiegħu fil-Buskett sitt snin ġie mmultat €2,000 wara li nstab ħati ta’ sewqan negliġenti. Huwa kkaġunalha ġrieħi gravi li ftit tal-ħin wara wassluha biex tmut l-isptar Mater Dei.
Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat Monica Vella ħadet in konsiderazzjoni l-età u l-kundizzjoni ta’ saħħa tal-ħati u li l-inċident seħħ f’ċirkostanzi sfortunati. Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie pprojbit milli jsuq għal tliet xhur. L-inċident seħħ fl-4.45pm tal-4 ta’ Awwissu, 2017 fi Triq l-Imnarja, Ħad-Dingli.
L-anzjan talab lil martu biex tassistih hekk kif reġġa’ lura l-vann Toyota tiegħu minn spazju ta’ parkeġġ biex joħroġ għal triq prinċipali. Fil-Qorti ħareġ li l-mara anzjana kienet qed tidderieġi lil żewġha meta ntlaqtet. Wara ttieħdet l-isptar b’urġenza iżda mietet ftit sigħat wara kawża tal-ġrieħu gravi li sofriet.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mis-Supretendent Robert Vella qalet li l-mara kienet wara l-vann meta rriversja għal fuqha. Ma kienx hemm xhieda, allura l-Pulizija kellha biss il-verżjoni tal-akkużat biex tmexxi l-każ. Skont l-akkużat, martu kienet qed tgħinu jreġġa’ lura iżda f’daqqa waħda sema’ ħoss u ma setax jarah fil-mirja tal-ġenb, minħabba li l-vann huwa wieħed magħluq u kien qed jgħatti l-veduta.
Meta ħareġ mill-vann, ra lil martu mimduda mal-art. Skont l-esperti tat-traffiku maħtura mill-Qorti, l-anzjanità tal-mara setgħet ikkontribwiet għall-inċident peress li ma rnexxilhiex tevita l-vettura ta’ żewġha. Huma kkonkludew li r-raġel kellu joqgħod aktar attent, speċjalment meta kien jaf li t-triq li kien qed idawwar lura minnha kienet qed tintuża bħala triq prinċipali minħabba l-għeluq tat-toroqdak iż-żmien.
Il-Maġistrat Vella qalet li, għalkemm il-mara setgħet ikkontribwixxiet għall-inċident, l-imputat messu qagħad ferm aktar attent meta reġġa’ lura l-vettura tiegħu. Madankollu, ma qablitx mal-konklużjoni tal-esperti li l-vettura ma kinitx qed tinstaq b’veloċità eċċessiva.
Il-mara, qalet il-Maġistrat ma kellhiex ħin biżżejjed biex tevita l-vann, b’konsegwenzi traġiċi. Meta qieset dawn l-elementi kollha, fosthom l-età avvanzata tar-raġel meta seħħ l-inċident, il-Maġistrat sabu ħati ta’ sewqan negliġenti. Hi għażlet li ma timponix sentenza ta’ ħabs effettiva u, minflok, immultatu €2,000. Hi pprojbitlu wkoll milli jsuq għal perjodu tliet xhur. Is-Supretendent Robert Vella mexxa l-investigazzjonijiet u l- Prosekuzzjoni fil-każ. Għal anzjan dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri u Silvio Brincat,
//= $special ?>

