Lokali Qorti

Il-Qorti titlob direzzjoni mill-EU fuq il-liġi tal-kambjali fil-każ tan-No Deposit Cars

Il-Qorti tal-Maġistrati talbet lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex tingħata direzzjoni dwar jekk il-liġi tal-kambjali f’ Malta hijiex konformi mad-direttivi tal-UE. It-talba saret mill-Maġistrat Victor Axiak f’wieħed mill-ħafna kawżi fil-Qorti li qed tiffaċċa l-kumpanija jinvolvu No Deposit Cars, proprjetà ta’ Christian Borg.

Numru konsiderevoli ta’ klijenti tal-kumpanija qed jikkontendu fil-Qorti li No Deposit Cars qed tikser il-liġijiet u d-drittijiet fundamentali tagħhom meta f’ħafna okkażjonijiet qed jieħdilhom il-karozzi tagħhom mingħajr raġuni valida. Il-Maġistrat Axiak innota li dan kien biss “wieħed minn sensiela ta’ appelli li dejjem qed tikber konta l-kumpanija”, u għaldaqstant ddeċieda li jirreferi l-każ lill-Qorti Ewropea.

Huwa qed jitlob u jingħġata gwida dwar jekk il-proċeduri legali Maltin b’rabta mal-eżekuzzjoni tal-kambjali li jipprekluduh milli jeżamina l-kuntratt li jippreċedi l-ħruġ tal-kambjali, imorrux kontra diversi direttivi tal-UE. Waħda mill-allegati vittma f’dan il-każ qalet fil-qorti li l-eċċezzjonijiet fi ftehim ta’ skambju għandhom ikunu limitati u ristretti għad-dokument innifsu u m’għandhomx ikunu kkonċernati b’obbligi oħra.

Il-Qorti innotat li l-Artikolu 253 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li ġie introdott fl-2004 jgħid li l-qrati m’għandhomx, ħlief f’każijiet ta’ frodi jew kawża illecita, iqisu bħala raġunijiet serji u validi għall-eżekuzzjoni tal-kambjali, l-eċċezzjoni li l-oġġett mibjugħ lid-debitur huwa difettuż u mhux ta’ kwalità miftiehma.

Il-klijent kien oppona l-proċess li bih Princess Holdings Ltd ippruvat tqis eżekutibbli tmien kambjali skaduti fuq il-bażi li l-vettura mibjugħa lilu kienet difettuża u kellha tiġi rritornata. Wieħed mill-allegati vittma qed jallega li kien iffirma kuntratt ma’ No Deposit Cars Malta Limited biex jixtri Vauxhall Corsa għal €5,400, bi ħlas ta’ €90 fix-xahar fuq medda ta’ ħames snin.

Madankollu, il-karozza kienet difettuża u ġie ffirmat it-tieni ftehim biex il-Vauxhall Corsa tiġi rritornata u minflok tieħu Peugeot 308 għall-prezz ta’ €12,000, bi ħlas ta’ €200 fix-xahar fuq perjodu ta’ ħames snin. Il-kontijiet imħallsa ma ngħatawx lura.

Sadaniitant il-karozza Peugeot 308 kienet ukoll difettuża u ġie ffirmat ftehim ieħor għal Hyundai i10 li tiswa €9,000, bi ħlas ta’ €150 fix-xahar fuq perjodu ta’ ħames snin. Din il-karozza kienet ukoll difettuża u l-klijent ipprova jtemm il-ftehim mal-kumpanija, iżda dan ġie injorat.

Il-kambjali ġew trasferiti lil Princess Holdings Limited kumpaniji oħra ta’ Christian Borg. Il-klijent xehed fil-Qorti li kien ixxukkjat meta xhur wara rċieva ittra uffiċjali fejn talbu jħallas tmien kambjali ta’ €200 kull waħda għat-tieni ftehim li għamel, minkejja li l-karozza kienet ingħatat lura lill-kumpanija.

Il-klijent saħaq fix-xhieda tiegħu li No Deposit Cars Malta Limited aġixxiet b’mod frawdolenti peress li żammet il-kambjali kollha miftiehma mal-kumpanija minkejja li l-karozzi kienu rritornaw minħabba li kienu difettużi. Il-vittmi baqgħu b’kontijiet bankarji ffriżati, karozzi li ma jistgħux isuqu u bla flus li kellhom jingħataw lura.

Christian Borg, eks direttur u sid ta’ No Deposit Cars Malta f’Ħal Qormi u ta’ Easy Finance MotorHouse f’Burmarrad, li issa m’għadhiex topera, kien wieħed minn ħames persuni akkużi f’Jannar tal-2022 li ħatfu raġel fir-Rabat. Huma ġew akkużati li sawtuh u li heddewh.

Sadanittant fil-Qorti komlew jiġu preżentati aktar kawżi kontra Borg. F’Marzu, mill-inqas 30 allegati vittmi ngħaqdu flimkien u ressqu protest ġudizzjarju kontra l-kumpanija u Christian Borg, fejn sostnew li sfaw vittmi ta’ frodi u konfoffa kriminali fost reati oħra, u qed jitlobu lill-pulizija eżekuttiva biex tinvestiga.