Raġel ta’ 44 sena li fil-Qorti ngħad li joqgħod ma’ oħtu l-Isla u li iżda wkoll għandu post mikri tas-Sliema inżamm arrestat mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wara ġie mixli li ħebb għal persuna b’sikkina tal-kċina wara li kien qed jaħseb li qed jiddieħaq bih u jwaqqgħu għaż-żuffjett.
Ronald Gatt li qal li jaħdem bħala Deliveryman/Storekeeper ġie mixli li wettaq dan ir-reat nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tad-9.30am fl-Isla. Ġie mixli li uża vjolenza morali u psikoloġika fuq il-vittma. Gatt li tressq mill-Ispetturi Darren Buhagiar u Gabriel Kitcher ġie mixli wkoll li bl-imġieba tiegħu kkaġuna biża li kienet se tintuża vjolenza kontra l-allegat vittma.
Ġie mixli wkoll b’sekwestru tal-persuna, li nsulentah, heddu u ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni. L-Avukat Joe Brincat li deher għal Gatt għamel talba għall-pleġġ li kienet opposta mill-prosekuzzjoni għal diversi raġunijiet fosthom li jagħmel kuntatt mal-allegat vittma, li m’għandux residenza fissa peress li d-dar tas-Sliema mhijiex waħda permanenti, li hemm storja bejnu u l-vittma u l-biża li jiġu kontaminati l-provi.
L-Avukat Brincat qal li tali biża ma teżistiex minħabba li kienu ried jagridixxi lil persuna l-oħra kien jagħmlu fil-ħin propizju u li anzi qagħad pass lura u qagħad bil-għaqal fejn kien kapaċi jikkontrolla lilu nniffsu. Qal ukoll li l-fatt li għandu żewġ residenzi hija diffiċli li jintraċċa l-provi.Il-Prosekuzzjoni qalet hawn li wara li jixhed l-allegat vittma, ma tkunx ta’ problema għaliha li jingħata l-pleġġ. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.
//= $special ?>