F’Ħadd il-Għid, il-Pulizija kienu imsejjħa fi Triq San Franġisk f’Bormla wara illi daħal rapport li l-purċissjoni bil-vara tal-Irxoxt ma setgħetx tgħaddi miz-zona minħabba karozza li kienet ipparkjata.
Sorsi diversi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-karozza kienet ta’ Christian Borg, li bħalissa qed jaffaċja proċeduri varji fil-Qorti – iżda jinsab barra fuq pleġġ.
Għalkemm il-Pulizija ordnaw li tiċċaqlaq din il-karozza minħabba li l-purċissjoni kellha tgħaddi lejn Triq San Pawl, jidher li kien hemm individwi li ma riedux jobdu lill-forzi tal-ordni. B’rapporti jindikaw li s-sitwazzjoni f’ħin minnhom tant eskalat li qamet kommossjoni kbira, waqt li folla ta’ nies kienet miġbura biex tara l-wasla tal-Irxoxt ta’ Bormla.
Sorsi oħra qalulna li fil-post kien hemm sieħeb Christian Borg, Tyson Grech (ritratt isfel). Iżda kuntrarju għal rapporti inizjali li kellna, Christian Borg ma kienx fil-post.
Dwar dan il-każ, il-Pulizija ma ħarġet ebda stqarrija. Iżda meta dan is-sit għamel kuntatt mad-Depot, ikkonfermawlna li l-Ħadd filgħodu kienu msejjħa l-Pulizija ta’ Bormla iżda “ma weġġa’ ħadd”. Qalulna wkoll li għaddejin l-investigazzjonijiet.
Tyson Grech u Christian Borg qed ikunu akkużati (flimkien ma’ persuni oħra) li ħatfu raġel u żammewh kontra l-volontà tiegħu. Apparti minn hekk, il-kumpanija ta’ Christian Borg qed taffaċja akkużi separati fuq kwistjonijiet serji ma’ diversi klijenti tal-kumpanija ‘No Deposit Cars’. L-akkużi jinkludu fost l-oħra frodi u evażjoni ta’ ħlas ta’ taxxa.
//= $special ?>