Lokali Qorti

Miċħuda talba biex tillimita l-ordni ta’ ffriżar fuq ħasil ta’ flus – Imħallef tissuġġerixxi li l-Ministru tal-Ġustizzja jikkunsidra emenda fil-liġi

Imħallef fil-Qorti Kriminali ċaħdet talba fejn qalet li hija legalment impossibbli biex jiġi limitat l-ambitu ta’ ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi maħruġa bħala parti mill-proċeduri ta’ ħasil ta’ flus kontra Florinda Sultana u Albert Buttigieg, u ordnat li kopja tas-sentenza tagħha tintbagħat lill-Ministru għall-Ġustizzja sabiex ikun jista’ jikkunsidra li jemenda l-liġi.

Sultana,li f’filmat kollu propoganda fl-2013 kkampanjat għal Labour, u Buttigieg, eks uffiċjal għoli fil-BNF Bank, huma akkużati fuq ħasil ta’ flus ta’ kumpaniji li mmaniġġjaw żewġ ristoranti li jispeċjaliżżaw fil-ħut, qed jiġu mixlija li ħaslu flus marbuta ma’ kuntrabandu taż-żejt.

Kemm Sultana kif ukoll Buttigieg qegħdin jiċħdu l-akkużi miġjubin kontrihom. Waqt li qed jirrappreżentaw liż-żewġ imputati, l-avukati Stefano Filletti u Nicole Galea kienu argumentaw li kien “sproporzjonat u assurd” li ordnijiet ta’ ffriżar jolqtu l-assi kollha tal-akkużati, anke dawk akkwistati qabel ir-reat li bih ikunu mixlijin u talbu lill-Qorti tnaqqas l-ammont ta’ flus iffriżat taħt l-ordni għal dak allegatament maħsul.

F’deċiżjoni mogħtija t-Tnejn, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera nnotat li f’digriet finali li ngħata fi Frar ta’ din is-sena, il-Qorti Kriminali kienet ikkonkludiet li l-ordni ta’ ffriżar kellha tibqa’ fis-seħħ fuq l-assi kollha tal-akkużati sas-sentenza finali.

Iżda inqas minn ġimagħtejn wara, fid-deċiżjoni tagħha f’kawża simili mressqa minn Edward Caruana, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha ddeċidiet li r-rikorrent kellu d-dritt li jitlob ir-reviżjoni ta’ ordni ta’ ffriżar maħruġa kontrih, li tillimita għal €5,000, sakemm ikun jista’ jipprova l-provenjenza leġittima tal-kumplament tal-ġid u l-proprjetà tiegħu.

Qabel il-każ Edward Caruana, il-Qrati kienu ddeċidew b’mod konsistenti li l-ordnijiet ta’ ffriżar ma setgħux ikunu limitati għal ammont speċifiku. Fis-sottomissjonijiet tiegħu, Filletti kien sostna li l-Istat kien qed jikkontradixxi lilu nnifsu fuq din il-kwistjoni, bl-Avukat tal-Istat jargumenta li l-Qorti għandha dritt li tillimita l-ordnijiet ta’ ffriżar u l-Avukat Ġenerali jgħid il-kuntrarju.

Minbarra kwistjonijiet ta’ ġustizzja, l-argumenti kuntrastanti ħolqu wkoll inċertezza legali dwar l-interpretazzjoni tal-istess taqsima tal-liġi, qal l-avukat. L-Avukat Ġenerali kien kontro-argumenta, u rrimarka li l-prinċipji stabbiliti fid-deċiżjoni Edward Caruana ma kinux japplikaw għal dan il-każ, peress li Caruana kien mixli li aċċetta tixħim bħala uffiċjal pubbliku, filwaqt li Sultana u l-appellanti l-oħra ġew mixlija li ħaslu ammont li huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat.

L-AĠ ma kkontestax il-fatt li l-Qrati setgħu jemendaw l-ordnijiet ta’ ffriżar, setgħa li toħroġ mil-liġi nnifisha. “Dak li qed jiġi kkontestat huwa jekk dan l-Artikolu għandux jiġi interpretat bħala li jagħti lill-Qrati s-setgħa li jillimitaw l-ordnijiet ta’ ffriżar għal ammont speċifiku.”

Ir-regola ġenerali toħroġ mill-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil ​​tal-Flus u hija riflessa fl-Att dwar Rikavat mill-Kriminalità, li ħadd minnhom ma għamel distinzjoni bejn assi li ġew akkwistati legalment u dawk ta’ provenjenza illeċita. Fid-deċiżjoni tagħha, l-imħallef qalet li qablet fil-biċċa l-kbira tar-risposta tal-Avukat Ġenerali.

Kieku l-Qorti tiddeċiedi dwar l-ammont li għandu jinqabad, tkun qed tesprimi wkoll opinjoni fuq il-merti tal-kawża, li ma setgħetx tagħmel f’dan l-istadju tal-proċeduri. “L-ordni taqbad u tpoġġi fil-kustodja ta’ terzi, b’mod ġenerali, il-flus u l-proprjetà mobbli kollha dovuti lil, relatati jew li huma proprjetà tal-akkużat.

L-akkużat ikun ipprojbit milli jittrasferixxi, jirraħ, jagħmel ipoteka jew b’xi mod ieħor, jiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli,” innotat il-qorti, filwaqt li enfasizzat in-“natura ġenerali” tal-ordni ta’ ffriżar li għandha tkopri l-assi kollha li jappartjenu lill- akkużat li jaqa’ taħt il-kompetenza tiegħu.

Il-Qorti nnotat li l-każ Edward Caruana, li kien ikkwotat minn Sultana, trattat il-kwistjoni ta’ jekk il-ħruġ ta’ ordni ta’ ffriżar fuq il-proprjetà kollha tar-rikorrent kienx jikkostitwixxi ksur ta’ drittijiet fundamentali. “F’dan il-forum, il-Qorti mhix qed tintalab tiddeċiedi jekk dik il-liġi dwar l-ordnijiet ta’ ffriżar tiksirx id-drittijiet fundamentali, iżda jekk ċerta proprjetà tistax tiġi rilaxxata [mill-ordni ta’ ffriżar].”

L-imħallef, filwaqt li nnotat id-direttivi rilevanti tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rikavat tal-kriminalità, osservat li argument dwar il-proporzjonalità tal-liġi jista’ jkun invokat f’każijiet bħal dawn, iżda qalet li din ma kinitx il-kompetenza tal-Qorti Kriminali.

Il-liġi Maltija kienet tippermetti lill-Qrati jawtorizzaw l-użu ta’ fondi ffriżati biex iħallsu kredituri ‘bona fide’ jew it-trasferiment ta’ proprjetà, fost affarijiet oħra, qalet l-Imħallef. “Iżda waħda tinħareġ ordni ta’ ffriżar fuq il-proprjetà ta’ persuna akkużata b’reat rilevanti, din l-ordni tibqa’ fis-seħħ sakemm il-proċeduri jiġu deċiżi b’mod finali u konklużiv, u jekk il-persuna tinstab ħatja, tibqa’ fis-seħħ ukoll sakemm is-sentenza tiġi deċiża. “

L-imħallef ammettiet li l-ġurisprudenza dwar is-suġġett għadha tevolvi, iżda insistit li idejn il-Qorti kienu marbuta sakemm il-liġi tibqa’ kif inhi. It-talba biex tiġi varjata l-ordni ta’ ffriżar għalhekk ġiet miċħuda. L-Imħallef, iżda, ordnat li kopja tad-deċiżjoni tagħha tiġi notifikata lill-Ministru tal-Ġustizzja sabiex “jara jekk għandux ikun hemm emenda fil-liġi dwar il-ħruġ ta’ Ordnijiet ta’ Iffriżar,” b’tali mod li jillimitaw il-kopertura tagħhom għall-proprjetà li l-akkużati setgħu akkwistaw fil-perjodu konness mar-reati li huma akkużati bihom. L-Avukat Antoine Agius Bonnici qed jirrappreżenta lill-Avukat Ġenerali fil-proċeduri kontra Sultana.