It-triple jumpers Rebecca’ Sare u Claire Azzopardi komplew bi dwell spettakolari bejniehom b’4ċm jissepparawhom waqt it-tieni Challenge Meeting ta’ Athletics Malta. Sare’ qabżet 12.50m u Azzopardi 12.46m, biż-żewġ tfajliet jilħqu l-istandards meħtieġa għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar biex b’hekk il-post bejniehom fit-tim nazzjonali jibqa’ miftuħ sal-aħħar qabel dawn il-Logħob.
Tmiem il-ġimgħa tal-Għid xorta ma ġabx mistrieħ għall-atleti hekk kif dawn komplew jirsistu għal post fil-GSSE waqt il-kompetizzjoni fl-Istadium tal-Marsa. Għalkemm ma kellnix ripetizzjoni tar-riżultati impressjonanti ta’ ġimgħa ilu, tliet prestazzjonijiet se jitniżżlu fil-kotba tal-istorja tal-atletika.
Iż-żagħżugħ Beppe Grillo rnexxilu jaqta’ biċċa oħra, 0.01s, mir-rekord tal-Under 23 fil-200m li stabbilixxa ġimgħa qabel (21.39s) filwaqt li Mireya Bugeja fuq 1,500m tejbiet rekord fil-kategorija Under 18 li kien ilu jżomm xejn inqas minn ħames snin.
L-atleta taż-Żurrieq daħlet l-ewwel f’4.44’87 biex b’hekk tejbet il-ħin li Nina Zammit Moore kisbet lura fl-2018. Bugeja kellha wkoll l-unur li ttemm it-tellieqa quddiem atleta ta’ esperjenza bħal Monalisa Camilleri(4.49’76), għalkemm din tal-aħħar kienet qed tikkompeti wara kamp ta’ taħriġ ta’ ħmistax u rebħa prestiġjuża fil-Limassol 5k.
Julian Zarb (La Salle) ukoll kiser rekord f’din l-età u fuq l-istess distanza ta’ 1500m b’ħin ta’ 4.07’26.
Żewġ atleti barranin li huma bbażati f’Malta, u li qed ifittxu wkoll post ma’ Tim Malta fil-GSSE, kif permess għal din il-kompetizzjoni, taw prestazzjoni tajba fl-isprints. Gaetano di Franco kiseb l-aqwa ħin tal-ġurnata fil-100m, 10.86s. Fil-200m, kellu jċedi għas-saħħa ta’ Beppe Grillo li din id-darba ġera biss din id-distanza. Hawnhekk, Di Franco kiseb ħin tajjeb ta’ 21.87. Lloyd Tadiwanashe Mhirpiri temm it-tielet u r-raba’ rispettivament fiż-żewġ tlielaq, fiż-żewġ okkażjonijiet preċedut mill-Malti Luke Bezzina, li l-aqwa ħin tiegħu kien 10.93s fil-100m
F’dan it-tmiem il-ġimgħa l-itwal tellieqa kienet dik ta’ 5000m, fejn Dillon Cassar ta’ Mellieħa AC kompla jiddomina bi prestazzjoni oħra ta’ taħt il-15-il minuta. Fost in-nisa, rebħa għal Roberta Schmebri ta’ Evolve f’ħin tajjeb ta’ 17’48, li madankollu mhux biżżejjed għalissa biex tieħu post Lisa Bezzina u Joelle minn Tim Malta fuq din id-distanza.
//= $special ?>