Ġimgħa wara, u l-pajjiż għadu s’issa ma jafx għal liema raġuni l-Partit Laburista immexxi minn Robert Abela għamel pressjoni fuq Rosianne Cutajar sabiex tirreżenja mill-Grupp Parlamentari tal-Labour.
U sa issa Rosianne Cutajar għadha ma tat l-ebda kumment lill-midja għajr fuq Facebook fejn fost affarijiet oħrajn saħqet li minkejja li staqsiet x’inbidel …..hija baqgħet mingħajr tweġiba.
Fiċ-chats li kellha man-negozjant Yorgen Fenech u li kienu żvelati fl-aħħar ġimgħat – Rosianne Cutajar fetħet qalbha ma’ Fenech dwar il-fatt li kulħadd fil-Gvern kien qed jitħanżer. Xi ħaġa li lanqas Robert Abela ma ċaħad.
Għaldaqstant, it-Tnejn filgħodu Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli jekk il-Partit Laburista hux qed jinvestiga d-diskors li wettqet il-membru parlamentari Indipendenti – iżda għal Zerafa Civelli din hija storja tal-passat…u jekk irridu nkunu nafu għal min kienet qed tirreferi Cutajar…għandna nistaqsu lilha.
Net News staqsa wkoll lill-Ministru JoEtienne Abela dwar jekk il-Labour hux qed jinvestiga internament min kien qed jitħanżer …. iżda hu għażel li ma jweġibx.
Stqarrija surreali u ironika għall-aħħar meta l-istess Prim Ministru Robert Abela dam jaqbeż għal Rosianne Cutajar ġimgħatejn sħaħ fejn kien saħansitra insista li din kienet diġà ħalset il-prezz politiku.
//= $special ?>