Andrea Agostinelli irriżenja minn kowċ ta’ Gudja United hekk kif issa mistenni jieħu t-tmexxija ta’ Benevento Calcio b’mod immedjat, biex b’hekk jipprova jsalva post l-iskwadra fis-Serie B.
Ilbieraħ bosta siti Taljani bdew jirraportaw li Agostinelli huwa l-favorit li jsir kowċ ta’ Benevento wara telfa oħra għal Benevento Calcio kontra SPAL, biex issa l-klabb jinsab fl-aħħar post tal-klassifika, f’riskju serju ta’ relegazzjoni.
Hu ilu nieqes minn esperjenza ta’ kowċ fl-Italja sa mill-2013 fejn kien imexxi lil Varese biex fl-2020 imbagħad kien Direttur Tekniku ta’ Livorno.
Agostinelli ngħaqad ma’ Gudja United FC fil-bidu tal-istaġun, u l-klabb kellu prestazzjonijiet tajba tant li f’xi mumenti kien ukoll mal-aqwa klabbs fil-klassifika tal-Kampjonat Premier.