Balzan kisbu rebħa importanti fit-tentattiv li jiksbu post fl-Ewropa dan wara li f’konfront dirett huma għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 3-2. Angel Torres kien l-eroj ta’ Balzan hekk kif huwa skorja żewġ gowls u ta l-assist ukoll fl-ewwel gowl. Mosta taw wirja tajba fejn l-aktar daqqa ta’ ħarta għalihom kienet lejn tmiem l-ewwel taqsima meta huma sfaw b’għaxar players filwaqt li sofrew fl-istess azzjoni l-gowl tad-draw. Huma xorta wrew karattru fejn minkejja li b’raġel anqas marru fil-vantaġġ b’gowl stupend ta’ Failla. Iżda Balzan baqgħu jemmnu biex dawru r-riżultat favur tagħhom b’żewġ gowls skurjati mill-player tal-partita Angel Torres li kompla jikkonferma li huwa wieħed mill-aqwa barranin li hawn f’pajjiżna.

Iċ-Champions Ħamrun Spartans komplew għaddejjin bir-ritmu tar-rebħ dan wara li huma kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva bl-istess skor ta’ 4-0. Il-vittmi tagħhom din id-darba kienu Żebbuġ Rangers fejn żgur li din kienet tpattija sportiva peress li r-Rangers huwa l-uniku tim li s’issa għeleb lill-Ispartans f’dik il-famuża logħba li kienet intlagħbet fuq jumejn. Elvis Mashike sab ix-xibka darbtejn biex issa leħaq lil Jefferson fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers. Għal Żebbuġ din kienet daqqa oħra l-isfel fit-tentattiv tagħhom li jevitaw ir-relegazzjoni awtomatika. Fil-fatt issa ntleħqu minn Santa Lucia biex issa s-sitwazzjoni fin-naħa t’isfel tal-klassifika hija aktar kumplessa u interessanti sal-aħħar tisfira.

Rebħa importanti għal Birkirkara fit-tentattiv tagħhom għal post fl-Ewropa dan wara li b’wirja dominant huma għelbu lil Gżira United bl-iskor ta’ 3-1. Wara li l-ġimgħa li għaddiet ġabu fix-xejn lil Hibernians, din il-ġimgħa kien imiss li jkunu l-vittmi l-Maroons. L-Istripes issa għandhom ħames punti fuq it-tim ta’ warajhom fejn żewġ punti mill-aħħar żewġ logħbiet huwa dak li jridu biex jaċċertaw li ser isiefru fis-sajf li ġej. Mhux l-istess jista jingħad għal Gżira United li għalihom din kienet ir-raba’ telfa konsekuttiva. Jidher li t-tibdil amministrattiv previst tellef xi ftit mill-konċentrazzjoni tal-players
Santa Lucia kisbu rebħa li tiswa mitqlu deheb dan wara li huma għelbu lil Valletta b’gowl uniku skurjat kmieni fil-partita. Gowl li wasal b’mod fortunat għas-Saints meta Ngong fit-tentattiv li jikklerja baram il-ballun għal ġewwa. Is-Saints żammew sodi u forsi anki nazzarda ngħid li rarament kienu taħt theddida. Tlett punti li bihom telgħu b’erbatax-il punt daqs Żebbuġ Rangers u tlett punti fuq Pieta meta fadal żewġ logħbiet għal tmiem il-kampjonat. Valletta kienu qegħdin ifittxu t-tielet rebħa mill-aħħar erba’ logħbiet hekk kif huma jidher li qabdu xi ftit tar-ritmu fl-aħħar ġimgħat. Konxji mill-fatt li riedu r-rebħa s-Sainta ħarġu aktar offensivi, bl-avversarji tagħhom Valletta minkejja li kellhom aktar mill-pussess tal-ballun ftit li xejn kienu perikolużi.
Hibernians irritornaw għar-rebħ wara d-diżappunt tat-telfa umiljanti kontra Birkirkara dan wara li huma għelbu lit-tim tal-qiegħ Pieta Hotspurs bl-iskor ta’ 4-1. Rebħa li fetħet mill-ġdid tamiet ġodda għat-tim minn Raħal Ġdid li jistgħu jiksbu post fl-Ewropa l-aktar wara t-telfiet li sofrew Gżira United u Mosta. Il-Pawlisti kienu dominant għal ħinijiet twal fejn apparti f’xi mumenti fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta, mill-bqija l-Hotspurs ma’ dehru mkien. Telfa li tħallihom ankrati fl-aħħar post tal-klassifika meta fadal żewġ logħbiet għal tmiem il-kampjonat. Jekk huma jitilfu l-logħba li jmiss kontra Birkirkara u xi ħadd minn Żebbuġ jew Santa Lucia jakkwistaw punt, dan ikun ifisser li l-Hotspurs jilgħabu fiċ-Challenge League l-istaġun li ġej.

Gudja United u Floriana spiċċaw il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1. F’logħba li bażikament ma’ kien fiha ebda importanza għall-klassifika, Floriana kienu dominanti fl-ewwel taqsima. Iżda t-tkeċċija tal-gowlkeeper Formosa kienet determinanti sabiex il-miżien beda jxaqleb lejn Gudja u eventwalment kisbu l-gowl tad-draw. Il-Greens kellhom lil Lorenzo Trillo fl-aqwa forma u ħadu vantaġġ kmieni. Wieħed stenna li huma kienu sejrin jibnu fuq dan il-gowl skurjat tant kmieni fil-partita iżda fil-fatt dan ma’ seħħx. Gudja issa tilfu lill-kowċ għall-aħħar żewġ logħbiet hekk kif huwa mar jikkowċja fis-Serie B Taljana u b’hekk iridu jibdew jaħsbu minn issa għall-futur. L-istess jista jingħad għal Floriana li kellhom staġun diżappuntanti ħafna.
Sirens kisbu rebħa kontra M’Xlokk bl-iskor ta’ 3-2 wara li għal mumenti din ir-rebħa dehret fid-dubju. It-tim minn San Pawl il-Baħar kien fil-vantaġġ bl-iskor ta’ 2-0, bix-Xlukkajri jirrispondu b’żewġ gowls sabiex għamlu l-iskor indaqs. Meta ħafna ħasbu li l-miżien ser ixaqleb lejn M’Xlokk peress li Sirens spiċċaw b’raġel anqas kienu t-tim immexxi minn Winston Muscat li kisbu l-gowl tar-rebħ u t-tlett punti. Minkejja li ż-żewġ timijiet huwa salvi u jinsabu komdi fil-klassifika, xorta waħda offrew grinta sabiex jiksbu l-punti massimi dan sabiex jippruvaw jispiċċaw kemm jista jkun fl-ogħla pożizzjoni possibbli.
INNUTAJNA
LI d-difensur internazzjonali Malti Zach Muscat skorja għall-ewwel darba għat-tim tiegħu Sporting Clube Farense wara li huma rebħu kontra Moreirense bl-iskor ta’ 3-1 f’logħba mit-Tieni Diviżjoni Portugiża. Muscat kien l-awtur tat-tieni gowl mas-siegħa logħob biex poġġa lil Farense 2-1 fil-vantaġġ.
LI ta’ sbatax-il sena u 56 ġurnata ddebutta ma’ Valletta l-player Jake Azzopardi hekk kif huwa daħal bħala sostitut fit-82 minuta tal-logħba kontra Santa Lucia li l-Beltin tilfu bl-iskor ta’ 1-0.
LI Gudja United jinsabu bla kowċ hekk kif Andrea Agostinelli ħalla din il-kariga biex issieħeb mal-klabb ta’ Benevento fil-Kampjonat tas-Serie B fl-Italja. L-aħħar li kien fi tmexxija ta’ klabb fl-Italja kien għaxar snin ilu meta huwa kien kowċ ta’ Varese.
//= $special ?>