Lokali

Erba’ titjiriet tal-Air Malta jesperjenzaw dewmien ta’ sigħat sħaħ

Titjiriet li kienu pjanati li jitilqu minn pajjiżna lejn Zurich, Ruma, Brussell, u London Gatwick bejn il-Ħadd li għadda u llum esperjenzaw demien ta’ sigħat sħaħ.

Dan ġie konfermat mill-linja tal-ajru tal-Air Malta hekk kif tul il-ġranet tal-Għid, diversi persuni jgħażlu li jżuru pajjiż jew ieħor bħala vaganza qasira tul il-vaganzi tal-Għid, b’oħrajn ikunu qed jirritornaw lura pajjiżhom wara numru ta’ ġranet f’Malta.

Fost oħrajn, titjira minn Malta lejn Ruma li kellha titlaq fis-7.30 tat-Tnejn filgħodu telqet kważi 6 sigħat u nofs tard. It-titjira tal-Air Malta kellha tasal f’Ruma għall-ħabta tad-9am, iżda l-passiġġieri waslu fl-ajruport ta’ Ruma għall-ħabta tat-3.30 ta’ wara nofsinhar.

Dan wassal għal skariġġ kbir għall-passiġġieri li spiċċaw qattgħu madwar 6 sigħat fl-ajruport ta’ Malta. U anke dawk li weħlu fl-ajruport ta’ Ruma.

L-ilmenti tat-turistin u Maltin ma naqsux fuq il-media soċjali, hekk kif dawn esprimew ir-rabja tagħhom għad-diżorganizzazzjoni li ilha tirrenja fil-linja nazzjonali ta’ pajjiżna… B’ħafna tennew li ma fadlilhom l-ebda għażla oħra ħlief li jużaw linja tal-ajru oħra, għaliex dan id-dewmien sar in-norma; filwaqt illi insistew li dan hu servizz diżastruż.