Knisja Lokali

Il-Beltin iniedu petizzjoni biex titħares il-kultura Maltija

Ritratt: Joseph Galea

Il-Beltin bdew petizzjoni biex il-kultura u t-tradizzjonijiet ikunu mħarsa.

Il-petizzjoni nbdiet eżatt kif għadda l-Għid il-Kbir, għaliex il-komunità Beltija tinsab urtata u ddispjaċutua għal dak li qed jiġri fil-kapitali. U r-residenti qed iħossu illi dak kollu li jagħmel lill-Belt dik li hi… qed ikun mhedded. Dan fid-dawl tal-aħħar episodji li l-Belt esperjenzat fil-Ġimgħa Mqaddsa – partikolarment storbju kontinwu mill-istabbilimenti u nuqqas ta’ infurzar biex jitwarrbu imwejjed u siġġijiet waqt il-purcissjonijiet.

Il-petizzjoni mneddija mill-paġna bl-isem il-Belt Valletta titlob lill-Gvern u lill-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici, biex tittieħed azzjoni “deċiżiva biex ikunu salvagwardjati l-kulturà reliġjuża u t-tradizzjonijiet tal-Belt Valletta, li bħalissa qed jaffaċċjaw problemi serji.”

Il-petizzjoni – li f’temp ta’ 24 siegħa ġabret ‘il fuq minn 600 firma – titfa’ dawl fuq il-fatt li t-tradizzjonijiet Maltin għandhom jinżammu ħajjin u jsir reklamar tagħhom sabiex it-turisti jżuru pajjiżna.

Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ minn Ta’ Ġieżu spiċċat għaddiet minn qalb diversi stabbilimenti miftuħa, fost mużika għolja fl-isfond…u anki mwejjed u siġġijiet li baqgħu fil-ġnub. L-istess kien ġara fil-purċissjoni ta’ Jum id-Duluri, bil-pellegrinaġġ spiċċa wkoll jaffaċċja l-istess problemi.

Bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira dawk li żaru l-Belt biex jagħmlu s-Seba’ Visti wkoll sabu l-istess problema, b’dawk kollha li bdew jagħmlu t-talb tagħhom anki minn vista għall-oħra sabu l-istess sitwazzjoni ta’ mużika għolja u nuqqas ta’ infurzar.

L-appell mill-Beltin qiegħed isir biex l-identità ta’ dak li jagħmel il-kapitali ikun ikkultivat, kif hu xieraq. Fil-petizzjoni ntqal li huwa naturali li l-imġieba li tinjora dawn it-tradizzjonijiet mhux biss idgħajjef l-isforzi dedikati tal-voluntieri li jaħdmu bla heda biex jippreservaw u jippromwovu d-drawwiet lokali iżda hija wkoll attakk fuq il-fidi Nisranija.