Lokali Saħħa

Il-Gvern ma joffri l-ebda soluzzjoni għall-infermieri u l-qwiebel u jitlobhom biss biex iwaqqfu l-azzjonijiet

Il-Gvern m’offra l-ebda soluzzjoni għall-infermieri u l-qwiebel illi kienu qed jagħmlu talbiet biex jissaħħu l-kundizzjonijiet tagħhom. Dan fid-dawl ta’ ftehim kollettiv ġdid, li ilu xhur sħaħ imdendel.

Issa, minflok ġie b’soluzzjoni, il-Ministeru tas-Saħħa talabhom biss biex iwaqqfu l-azzjonijiet industrijali meqjusa minnu bħala “mhux ġustifikati.”

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għas-Saħħa intqal illi kien hemm aktar minn 13-il laqgħa dwar il-ftehim kollettiv ġdid għall-infermieri u l-qwiebel iżda l-Gvern fl-ebda mument ma qal x’offra lill-ħaddiema tal-isptarijiet.

L-unika ħaġa li din l-istqarrija tgħid hi li l-MUMN kellha żidiet sinifikanti proposti mill-Gvern… għalkemm, il-President tal-MUMN, Paul Pace qal li l-Gvern baqa’ ma offra xejn.

Fi kliem il-President tal-MUMN, il-ħaddiema tas-saħħa qed iħossu li qed jiġu injorati mill-Gvern ta’ Robert Abela wara xhur ta’ laqgħat ma jaqtgħu xejn li ma wasslu għal imkien.

Mistoqsi x’se jkun il-pass li jmiss, Paul Pace qal li mhux qed jeskludi li jsejjħu strajk għall-membri kollha tal-union.

L-unika soluzzjoni li ta l-Gvern lill-MUMN kienet li jsir proċess ta’ konċiljazzjoni mal-union – fi kliem semplici, il-Gvern tant falla li hemm bżonn medjatur wara li ilu xhur sħaħ ikaxkar saqajh fin-negozjati.

Dawn in-negozjati kellhom ikunu importanti sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-infermiera u l-qwiebel – kundizzjonijiet illi aktar ma jmur, aktar qed imorru għall-agħar. Tant li riċentament kien hemm numru kbir ta’ ħaddiema li telqu minn Malta hekk kif pajjiżi oħra qed joffru kundizzjonijiet u pagi ferm aħjar għall-infermieri.

U fid-dawl ta’ dan kollu, l-infermiera, il-qwiebel u l-pazjenti qed jibqgħu ibatu kaġun ta’ nuqqas ta’ azzjoni konkreta minn naħa tal-Gvern.