Lokali

Il-Gvern Malti jispiċċa fil-mira ta’ kritika internazzjonali

Skiet totali mill-Ministeru tal-Intern u mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin

Il-mewġa ta’ vjaġġi bl-immigranti fil-baħar Mediterran qed titfa’ pressjoni kbira fuq il-Gvern Malti minħabba li t-tmexxija ta’ Kastilja spiċċat kritikata għall-manuvri li allegatament saru fl-aħħar sigħat. Dan meta grupp ta’ immigranti sab ruħu maqbud bla fuel fiz-zona SAR ta’ pajjiżna.

Recording li ħareġ fl-aħħar sigħat jikkonferma li dawn l-immigranti, minflok ġew salvati, ġew direzzjonati mill-awtoritajiet Maltin lejn bastiment ieħor biex jingħataw il-fuel – u b’hekk ikomplu bil-vjaġġ tagħhom.

L-organizzazjoni Sea Watch International illokalizat id-dgħajsa bl-immigranti il-Ħadd li għadda. Fil-viċin, jidher li kien hemm xi bastimenti; iżda dawn ġew ordnati biex ma jmexxux bis-salvataġġ. Minflok, l-awtoritajiet Maltin ordnawlhom sempliċiment jissuplixxu fuel lill-immigranti sabiex dawn ikomplu bil-vjaġġ tagħhom.

Il-Gvern għadu ma ħareġ ebda stqarrija dwar dawn il-fatti li qed jiġi rappurtati fil-media Taljana, fost kritika kbira lejn pajjiżna.

Abbord din id-dgħajsa jidher li hemm madwar 400 immigrant. B’rapporti jindikaw li fosthom hemm nies li għandhom bżonn assistenza medika.

Intant, f’dawn l-aħħar tliet ijiem, l-Italja laqgħet mat-3,000 immigrant li ġew salvati mill-Guardia Costiera.