Il-Partit Nazzjonalista jtenni li jekk il-Gvern għandu verament għal qalbu lill-pazjenti vulnerabbli, għandu jressaq minnufih proposti adegwati lill-infermieri u l-qwiebel biex jintlaħaq qbil dwar ftehim settorjali.
Dan intqal fi stqarrija mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Ivan Castilli, Stephen Spiteri kif ukoll Ian Vassallo.
Dan hu dak meħtieġ biex verament ikun rikonoxxut l-impenn ta’ dawn il-ħaddiema fis-settur mediku u biex ikollhom l-aqwa kundizzjonijiet u riżorsi possibbli għall-aqwa servizz lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Il-Gvern ma jistax iwaħħal fil-ħaddiema għax jitolbu dak li ħaqqhom u jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol biex dan is-settur isir aktar attraenti.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan jista’ jsir kif sar fix-xhur li għaddew ma’ professjonisti oħrajn fil-qasam mediku. Madankollu, Robert Abela u l-Ministeru tas-Saħħa jridu jkomplu jixxaħħu mal-infermieri u l-qwiebel għax, minflok jippreżenta proposti li jtejbu l-kundizzjonijiet u r-riżorsi tal-professjoni, iridu jkomplu jsibu modi kif ikaxkru saqajhom.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern m’għandux jibqa’ jitqammel mal-infermieri u l-qwiebel, iżda jkun hu l-ewwel wieħed li jsib ir-riżorsi meħtieġa, kif sab għal sħabu ta’ Steward, li għadhom ma għamlu xejn biex jagħtu lill-poplu l-€400 miljun li ngħataw.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ spalla ma’ spalla mal-ħaddiema biex jingħataw dak li ħaqqhom u jkunu jistgħu jkomplu joffru l-aqwa servizz lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>