Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora l-aġir tal-Gvern ta’ Robert Abela li, biex jiġbed is-simpatija ta’ xi wħud f’mument fejn il-Labour u l-Gvern tiegħu qegħdin fi kriżi, lest li, minkejja l-obbligi internazzjonali, jibqa’ jirrifjuta li jassisti lil immigranti irregolari f’periklu ċar għal ħajjithom. Il-Gvern ma jistax jieħu deċiżjonijiet unilaterali meta hemm ir-riskju li jintilfu l-ħajjiet.
Dan intqal fi stqarrija mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u Graziella Attard Previ.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-isfida tal-immigrazzjoni ma tissolviex billi wieħed jibqa’ sieket, indifferenti u jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra. L-isfida tal-immigrazzjoni ma tissolviex billi wieħed jipperikola l-ħajjiet ta’ nies innnoċenti, inkluż nisa u tfal, sempliċiment biex tagħmel punt politiku.
Ir-realtà tal-immigrazzjoni ma tissolviex bis-skiet itarrax tal-Gvern ta’ Robert Abela maqtugħ mir-realtà u mehdi kif se jirrisolvi l-problemi interni fi ħdanu.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja bis-sħiħ lil Malta, bħala pajjiż milqut direttament mill-isfidi tal-immigrazzjoni, il-Gvern għandu dejjem iħares il-ħajjiet tan-nies. Ma nistgħu qatt naċċettaw li nħallu n-nies jegħrqu f’nofs ta’ baħar bl-iskuża ta’ xi punt politiku.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li l-Gvern qed jibgħat messaġġi konfliġġenti meta, filwaqt li jgħid li Malta hi żgħira wisq biex takkomoda immigranti u refuġjati, fassal politika mfassla fuq ix-xogħol ta’ eluf ta’ ħaddiema minn pajjiżi tat-Tielet Dinja.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni kif, taħt Gvern suppost Soċjalista, min għandu l-miljuni jista’ jixtri ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna mingħajr l-ebda rabta ma’ Malta u min m’għandux għaxja ta’ lejla jitħalla jmut.
Gvern serju ma jistaħbiex. Gvern serju jwieġeb. Gvern serju jiddeċiedi. Gvern serju jibża’ għal isem pajjiżna.
//= $special ?>