L-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti qed titlob li jkun assigurat dħul adegwat għall-anzjani f’pajjiżna. Dan intqal wara li saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali għall-membri tagħha, fil-25 ta’ Marzu li għadda.
L-inkwiet dwar id-dħul għall-anzjani ilu jinħass xhur sħaħ; speċjalment biż-żieda fil-prezz ta’ prodotti bażiċi, li qed tħalli l-effett tagħha – kif konfermat mill-NSO.
Għaldaqstant…l-Għaqda tal-Pensjonanti qed titlob li l-pensjoni minima nazzjonali tkompli tiżdied sabiex persuni ‘l fuq minn 65 sena ma jibqgħux f’riskju ta’ faqar. Dan ikun mezz biex jgħin lill-anzjani ilaħħqu mal-ħajja u maż-żieda enormi fil-prezzijiet.
U hekk kif għadha qed tippersisti l-problema tal-mediċini out of stock, u l-lista twila ta’ stennija għall-operazzjonijiet fl-isptar huma talbu sabiex l-anzjani jkollhom kura tas-saħħa ta’ kwalità, fil-ħin u li tkun affordabbli – flimkien ma’ aċċess għal mediċini li huma neċessarji għal saħħithom; partikolarment medicini li jkunu għal persuni ‘il fuq minn 65 sena.
L-Għaqda tal-Pensjonanti talbet ukoll li jkun ikkunsidrat li tiġi riveduta s-sistema attwali ta’ ħruġ ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma, bi proposta li jkun hemm skont fuq il-kontijiet għall-persuni ‘l fuq minn 60 sena.
//= $special ?>