Lokali

Il-vittma ta’ Portomaso ġie Malta għal futur aħjar għalih u għal qrabatu

Ġie ddentifikat bħala David Cortes, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena li l-Ġimgħa għall-ħabta tas-6:15am tilef ħajtu wara li waqa’ minn binja fi Vjal Portomaso, f’San Ġiljan.

Deskritt bħala persuna b’talent kbir, intelliġenti u kariżmatiku, David kien maħbub minn ħafna, dejjem bi tbissima fuq fommu lest li jgħin lil dawk ta’ madwaru.

David Cortes kien ilu jgħix f’Malta għal dawn l-aħħar sentejn f’San Pawl il-Baħar, meqjus minn sħabu bħala persuna mimli b’ħolm għall-futur tiegħu.

Il-Pulizija kienu ġew mgħarrfa bil-każ wara li ħaddiem li kien f’binja fil-qrib lemaħ persuna tixxabat ma’ xi binjiet fil-viċin u wara taqbeż fil-ħaxix. Ftit tal-ħin wara uffiċjal tas-sigurtà li mar jiċċekja z-zona sema’ persuna qed tokrob bl-uġigħ u minnufih ċempel għall-assistenza. Iżda sfortunatament, l-isforzi kollha tagħhom kienu kollha għalxejn hekk kif iż-żagħżugħ tilef ħajtu ftit tal-ħin wara li ttieħed l-Isptar Mater Dei.

Ħbieb ta’ David Cortes fetħu paġna b’talba għal dawk kollha li jistgħu jgħinu sabiex iż-żagħżugħ jingħata l-aħħar tislima li tixraqlu. Wieħed jista’ jagħmel dan billi jgħafas hawnhekk.