Futbol Sport

Manchester City jiddominaw lil Bayern Munich fl-Etihad Stadium

(Ritratt: EPA)

Fl-Etihad Stadium f’Manchester, f’waħda mi-żewġ logħbiet ta’ l-Erbgħa filgħaxija, Manchester City ddominaw lil Bayern Munich meta ghelbuhom 3-0 fil-kwarti finali tal-UEFA Champions League. Iċ-champions Ingliżi fetħi l-iskor fit-28 minuta meta Rodri b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb għal kollox lill-goalkeeper Jan Sommer għal 1-0. Man City kellhom jistennew sas-70 minuta għat-tieni gowl meta din id-darba kien Erling Haaland li sab lil Bernardo Silva, b’dan tal-aħħar jixħet fix-xibka bir-ras għal 2-0. Man City għalqu l-partita fis-77 minuta meta minn cross ta’ John Stones kien l-attakkant prolifiku Erling Haaland li xeħet wara Sommer għal 3-0.

F’Estadio da Luz fil-Portugall, Inter kisbu rebħa komda ta’ 2-0 fuq Benfica biex se jieħdu magħhom vantaġġ ta’ żewġ gowls għal partita ta’ ritorn f’San Siro. Huma marru fil-vantaġġ fil-51 minuta meta Alessandro Bastoni żmarka lil Nicolo Barella li bir-ras xeħet fix-xibka għal 1-0. Fil-81 minuta Inter ingħataw penalty meta Joao Mario deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa, biex mill-ħdax-il metru kien Romelu Lukaku li kkonkluda fix-xibka għal 2-0.

Illum: Benfica v Inter 0-2, Man City v Bayern M. 3-0
Għada: Milan v Napoli 9.00pm, Real Madrid v Chelsea 9.00pm