Lokali

Min huma dawk li qed jitħanżru? Id-deputati tal-Gvern bla tweġiba

Sal-lum, għadna ma nafux għal-liema raġuni l-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela, wettaq pressjoni biex Rosianne Cutajar tirriżenja – għalkemm Cutajar għadha qed tgħid li hi “ma tafx x’inbidel”.

It-Tnejn għamilna tentattiv biex insiru nafu jekk il-Labour hux jinvestiga ċ-chats li għaddew bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar. U fuq kollox min qed jitħanżer, bis-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli tgħidilna biex insaqsu lil Rosianne Cutajar.

L-għada għamilna tentattiv mal-Ministru li jiġi fuqha, Owen Bonnici – fejn saqsejna lill-Ministru għalxiex ġielu lil Rosianne Cutajar tirriżenja mill-Grupp Parlamentari Laburista u jekk il-frażi kulħadd jitħanżer tinkwetahx. Bil-Ministru jgħidilna biss li jaqbel ma’ Robert Abela, u li l-pubbliku jistenna ċertu livell ta’ governanza.

Saqsejna wkoll lill-Ministru għal min kienet qed tirreferi il-frażi “kulħadd jitħanżer” u jekk il-PL investigax min qed jitħanżer.

Sa issa iżda l-Prim Minsitru baqa’ ma qalx min qed jitħanżer u jekk ħax azzjoni. Dan filwaqt li ma qal xejn lanqas għal min kienet qed tirreferi l-eks Segretarju Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar.