Mużika

Mużika: Il-grupp Frankie Goes To Hollywood jista’ ikun il-mistieden speċjali għall-Eurovision

Best Frankie Goes to Hollywood Songs of All Time

Il-grupp popolari tas-snin tmenin Frankie Goes To Hollywood jista’ qed jipprepara għal ritorn spettakolari fix-xena. Dan fost rapporti li l-grupp kien avviċinat biex jifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-konkors tal-mużika annwali tal-Eurovison li se jsir f’Liverpool ix-xahar id-dieħel.

L-istedina saret 20 sena wara li sfaxxa dan il-grupp minn Liverpool u qed tidher bħala ferm sinifikanti għall-kumpless li jispeċjalizza fil-mużika ‘dance-pop’.

Il-grupp Frankie Goes To Hollywood iffurmat minn Holly Johnson, Paul Rutherford, Peter Gill, Brian Nash u Mark O’Toole  kellu tliet suċċessi kbar li kollha waslu sal-quċċata tal-klassifika tal-hits popolari tas-snin tmenin.

Dawn huma l-kanzunetti ‘Relax ( Don’t Do It); Two Tribes u The Power of Love – bil-grupp, imbagħad, jisfaxxa fl-1987.

Madankollu – u minkejja l-membri tal-grupp ilhom mifrudin għal aktar minn 20 sena – hemm indikazzjonijiet li huma għandhom jaċċettaw l-istedina tal-organizzaturi tal-Eurovision li jixtiequ ħafna l-preżenza tal-grupp waqt il-konkors. Qed  jidher ukoll li Holly Johnson u sħabu qed jikkunsidraw l-offerta li saritilhom ‘bl-akbar serjetà’.