Il-kumpanija tal-karozzi No Deposit Cars qed isostni li hija vittma ta’ “kampanja orkestrata ta’ tajn mitfugħ lejha” minn grupp ta’ klijenti li qed jipprovaw jevadu l-obbligi kuntrattwali tagħhom. Fit-tweġiba tagħha għal protest ġudizzjarju mressaq minn numru ta’ klijenti tagħha, il-kumpanija ewlenija Princess Holdings, is-sid tagħha Christian Borg u d-direttur Joseph Camenzuli, ressqu kontroprotest għal protest ġudizzjarju mressaq il-Ħamis li għadda minn 26 mill-klijenti tagħha.
Fost l-allegazzjonijiet hemm li wħud mill-klijenti kienu ġew sfurzati jew imġiegħla jħallsu ‘l fuq minn €1,000 għal kontravenzjonijiet li ma jeżistux, u li kienu sfurzati jagħmlu pagamenti ta’ mijiet ta’ ewro fix-xahar għal aktar minn tliet snin, “għal karozzi li qatt ma kienu raw, aħseb u ara kemm kienu saquhom.”
L-istess klijenti qed jitolbu biex Borg jiġi nvestigat u mressaq il-Qorti għal reati relatati ma’ frodi u kriminalità organizzata. Il-kontro-protest, iffirmat mill-avukati Giannella De Marco u Charles Mercieca, jattakka lis-26 li daħħlu l-protest talli “ħallew lilhom infushom jagħmlu parti minn kampanja orkestrata ta’ tfigħ tat-tajn” kontra l-kumpaniji, u jgħid li “wieħed jistenna li messja saret referenza għal fatti ċari u preċiżi u mhux għal allegazzjonijiet ġeneriċi u impreċiżi.”
Il-kontroprotest issostni li wieħed mill-klijenti fost is-26 li pprentaw il-protest kien avviċina lill-kumpanija direttament sabiex jiddisassoċja ruħu mill-protest ġudizzjarju, billi qal li “ismu kien imniżżel mingħajr il-kunsens tiegħu.” Borg ċaħad kategorikament li qatt qal lil klijent li ħadd ma seta’ jagħmillu xejn għax appoġġjat minn nies b’saħħithom u li jgħid lill-pulizija li l-karozza kienet tiegħu jekk qatt jitwaqqaf minnhom.
Minbarra ċaħda kategorika tal-allegazzjonijiet li saru fil-protest ġudizzjarju, Borg, Camenzuli u l-kumpaniji qalu li “qegħdin iżomm lill-klijenti li daħħlu l-każ il-Qorti responsabbli għar-reat li ressqu rapport falz, kif ukoll f’danni għal malafama personali u kummerċjali,” u rriżervaw id-dritt li jieħdu azzjoni legali biex jirkupraw id-danni.
Huma qed isostnu li kull kumpanija tal-kiri tal-karozzi jew ta’ “lease to buy” tadotta l-prattika li ma tittrasferixxix l-‘ownership’ tal-vetturi li tbigħ sakemm il-prezz tal-bejgħ stipulat ikun tħallas kollu. Huma kkontestaw ukoll l-allegazzjonijiet relatati mal-ħruġ ta’ rċevuti foloz u t-talba għal ħlasijiet għal karozzi li ma kinux ikkunsinnjati, billi qalu li dan ma kienx minnu u argumentaw li l-fatt li l-klijenti inkwistjoni ma kinux ġew identifikati ċaħħadhom mill-opportunità li jinvestigaw u jirribattu l-allegazzjonijiet b’mod speċifiku.
L-istess osservazzjoni saret dwar l-allegazzjoni tal-protest ġudizzjarju li Borg u sħabu jiffurmaw parti minn organizzazzjoni kriminali, peress li ma kien hemm l-ebda tentattiv biex it-talba tiġi sostanzjata b’evidenza. “Dan mhux biss huwa inġust mill-aspett legali għaliex effettivament jikkostitwixxi rapport falz,” jgħid l-kontro-protest. L-avukati argumentaw li t-tracking ta’ karozzi li jinxtraw bin-nifs (bil-kambjali) hija prattika aċċettata u regolata fir-Renju Unit u ssemmiet ukoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’sentenza riċenti.
Filwaqt li insistew li l-kuntratt kien simili għal dak użat minn kumpaniji oħra tal-kiri tal-karozzi fis-suq, huma qalu li jkun “interessanti li wieħed jara jekk l-allegazzjoni tapplikax ukoll għal kuntratti simili li jsiru minn għexieren ta’ kumpaniji oħra f’kuntesti simili.”
//= $special ?>