Sport Sport Ieħor

Tennis: Prestazzjoni tajba mill-Maltin kontra l-Bożnija u l-Portugall

Fl-ewwel jum tal-Billie Jean King Cup li fih Malta qed tikkompeti fi Grupp 2 u li qed issir f’Lisbona l-Portugall, fl-ewwel ġurnata Malta lagħbet kontra l-Bożnija u Ħerzegovina biex mbagħad ikkompetiet kontra l-pajjiż ospitanti l-Portugall fit-tieni jum.

Il-grupp li fih tinsab Malta jikkonsisti f’diversi pajjiżi li jilagħbu f’livell għoli ta’ tennis internazzjonali, li huma l-Portugall, il-Greċja, Bożnja u Ħerzegovina, u l-Iżrael. It-tim jikkonsisti minn Francesca Curmi, Elaine Genovese, Helene Pellicano, Emma Montebello u l-captain Stephen Caruana.

Malta vs Bożnija u Ħerzegovina

L-ewwel partita rat lil Elaine Genovese kontra Dea Merdzelas (WTA 343).

Elaine bdiet tajjeb u qasmet il-logħob fl-ewwel sets iżda l-Merdzelas uriet li kienet wisq b’saħħitha għall-Maltija u rebħet 6-2; 6-2.

Wara kienet fl-azzjoni l-plejer numru wieħed Maltija, Francesca Curmi kontra l-aqwa plejer tal-Bożnija, Nefisa Berberovic li hi klassifikata fit-318-il post fir-rankings tal-WTA.

Francesca bdiet b’kunfidenza u rebħet l-ewwel set 7-5. Il-Bożnijaka wriet il-klassi tagħha u rkuprat tajjeb biex ħadet it-tieni set 6-3. Francesca kellha tissielet mhux ħażin u turi l-kwalitajiet kollha tagħha biex rebħet l-aħħar set 6-4.

Kollox kellu jiġi deċiż fid-doubles. Għalkemm Francesca lagħbet partita iebsa ħafna ta’ tliet sets, il-captain Steve Caruana iddeċieda li tkun hi li tilgħab ma’ Elaine Genovese biex tipprova tikseb ir-rebħa. It-tim tal-Bożnja min-naħa tiegħu serraħ lil Berberovic u ddeċieda li jilgħab l-ispeċjalista tagħhom fid-doubles, Anita Wagner (in-numru 203 fid-dinja fid-doubles).

Il-logħob kien bilanċjat iżda l-Bożnijaċi rebħu l-ewwel set b’tie break. It-tfajliet Maltin madankollu wieġbu bl-aħjar mod u rebħu t-tieni set 6-4.

Sfortunatament il-Maltin tilfu l-aħħar sett 6-2.

Malta vs Portugall

Għat-tieni parità Elaine Genovese reġgħet fetħet l-impenji tal-Maltin kontra Murta Ines tal-Portugall. Genovese lagħbet ferm aħjar mill-ġurnata ta’ qabel u kienet tidher aktar kunfidenti.

Iż-żewġ plejers qasmu l-logħob u d-differenza niżlet għal min jikkonverti l-break points.

Il-plejer Portugiża kienet aħjar f’dan u rebħet 6-3; 7-5.

It-tieni konfront rat lill-plejers numru wieħed rispettivi Francesca Curmi (WTA nru 390) kontra Francisca Jorge (WTA 303).

Francesca lagħbet logħba mill-aqwa u għalkemm kellha injury f’dahra iġġieldet għal kull punt u kienet qed tirbaħ il-maġġoranza tal-iskambji twal.

It-tfajla Maltija daħlet u wriet il-ġlied u l-kwalitajiet tekniċi tagħha kollha biex rebħu 6-3; 6-4 minkejja li kienet minn taħt fit-tieni sett.

Bħal ġurnata ta’ qabel kollox kien jiddependi fuq il-partita tad-doubles. L-aqwa koppja tad-doubles Maltija Francesca Curmi u Elaine Genovese iltaqgħu kontra l-aħwa Francisca u Matilde Jorge.

Il-Portugiżi bdew aħjar u malajr marru fil-vantaġġ ta’ 3-0. Wara xi bidliet tattiċi, madankollu, il-Maltin irkupraw b’mod brillanti biex ġabu l-iskor 4-4. L-avversarji, mgħejjuna minn folla voċifera reġgħu ħadu sabu l-forma biex ħadu s-set 6-4.

Bil-folla mdaqqsa u l-momentum fuq in-naħa tagħhom, il-Portugiżi ma qatgħux qalbhom u aċċertaw it-tieni set bl-iskor konvinċenti ta’ 6-1 biex rebħu l-partita.