Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Anne Agius Ferrante

Dalgħodu ngħatat l-aħħar tislima lil Anne Agius Ferrante fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina.

Agius Ferrante kienet l-ewwel mara li ġiet eletta fil-Parlament Malti f’isem il-Partit Nazzjonalista. Hi mietet fis-6 t’April fl-eta ta’ 97 sena.

Waqt il-funeral, Agius Ferrante ġiet deskritta bħala mara li kellha personalità b’saħħitha, u l-mod passjonali li bih kienet tiddiskuti dwar dak li temmen fih se jibqa’ għażiż fil-memorja ta’ bosta.

Fl-omelija li wassal, Fr. Gordon Refalo qal illi Agius Ferrante kienet mara li tgħatik qalbha, dejjem lesta li tgħin lil dawk ta’ madwarha… bil-missjoni tagħha kienet li tagħmel dak li hu l-aħjar għas-soċjetà Maltija.

Preżenti għall-funeral kien hemm qraba u ħbieb tagħha, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u l-Viċi Kap tal-PN, Alex Perici Calascione, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia u d-Deputy Speaker, David Agius, fost numru ta’ deputati oħra tal-Partit Nazzjonalista.

Agius Ferrante twieldet l-Imdina, u kienet ikkontestat tliet elezzjonijiet ġenerali f’isem il-PN.

Anne Agius Ferrante kienet eletta fil-Parlament fl-1980, meta saret l-ewwel deputata mara f’isem il-PN. Hi kienet eletta f’elezzjoni każwali wara l-mewt tal-eks Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier.

Għal xi żmien, Agius Ferrante serviet ukoll bħala President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista – u għal dawn l-aħħar snin, kienet residenti f’Casa Arkati.

Intant, bħala sinjal ta’ luttu u rispett, id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista niżlet il-bnadar mezz’asta.