Ikompli jikber it-taħwid fi ħdan Transport Malta… bil-Kap Eżekuttiv qed issirlu pressjoni sabiex iwarrab mill-pożizzjoni tiegħu llum qabel għada – iżda dan qed jirrifjuta b’saħħa li jirriżenja.
Jeffrey Curmi ilu Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta sa minn Ġunju tal-2022 wara li kien telaq mill-pożizzjoni tiegħu ta’ Kmandat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Curmi ħa din il-pożizzjoni fuq kuntratt ta’ tliet snin, bi dħul li jlaħħaq sa €115,000 fis-sena.
Daqs xahar ilu, il-midja kienet irraportat li Curmi tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu mill-Ministru Aaron Farrugia. Iżda Net News jista’ jikkonferma li Curmi għadu s’issa ma ċċaqlaqx minn din il-pożizzjoni.
Mhux magħruf ir-raġuni għalfejn hemm pressjoni biex Curmi jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu iżda sorsi li tkellmu ma’ Net News irreferew għal okkażjoni fejn il-Kap Eżekuttiv kien iebes fl-infurzar. B’każ partikolari jseħħ f’Għawdex, fejn membri tal-Gvern ma tantx ħadu gost b’din il-mossa minn Transport Malta.
Sorsi oħra qed isemmu t-taħwid kbir li hemm f’diversi sezzjonijiet ta’ din l-entita – tant li l-ħaddiema qed jagħżlu li jitilqu u jsibu xogħol x’imkien ieħor.
It-taħwid qed iwassal ukoll sabiex l-applikazzjonijiet għan-number plates jaqgħu lura b’numru ta’ ġranet.
Fil-fatt, fejn qabel wieħed kien jistenna biss jumejn biex ikollu number plate, issa wieħed qed ikollu jistenna mill-inqas ġimagħtejn għall-pjanċa ta’ vettura jew mutur.