“Fl-interess tal-pajjiż u fl-interess tat-turiżmu tajjeb li nifhmu li l-barklora huma parti integrali mill-kultura tagħna. U minħabba dan, il-barklori jinsabu mħassba għaliex minkejja d-diversi wegħdi li saru tul is-snin baqgħu ma nzammux. Wara li saret pressjoni mill-Oppozizzjoni kien hemm xi ċaqlieq u sar ftehim meħtieġ, iżda aħna bħala oppozizzjoni se nibqgħu nagħmlu pressjoni sabiex dan il-ftehim jitwettaq. Aħna nemmnu fil-ħaddiem Malti, nemmnu li l-ħaddiem malti huwa parti integrali fl-ekonomija tagħna u nemmnu fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, meta l-Erbgħa wara nofsinhar iltaqà mal-Barklora fix-xatt tal-Birgu, illi spjegawlu id-diversi diffikultajiet li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom … fejn il-Gvern Laburista minflok jgħin lil dawn il-barklora li joffru s-servizz ta’ trasport mill-Birgu lejn il-Belt Valletta, qed jhedded dan is-servizz tradizzjonali li ilu għaddej sa minn zmien il-Kavallieri.
Għal din il-laqgħa mal-barklora, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mid-deputati tal-PN Julie Zahra u Ivan Castillo.
Fl-aħħar xhur il-barklora talbu lill-Gvern sabiex jingħataw zona alternattiva minn fejn jaħdmu. Dan wara li fuq in-naħa tal-Belt – fejn id-Dwana – diġa’ beda x-xogħol li qed isir minn Infrastructure Malta sabiex jestendu x-xatt magħruf bħala Pinto 5.
Wara xhur sħaħ jiġu injorati, il-Ħamis li għadda, saret protesta mill-istess barklora minħabba li l-awtoritajiet baqgħu ma tawx widen għall-karba tagħhom.
Min naħa tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, sostna li dawn il-ħaddiema li jaqalgħu il-ħobża ta’ kuljum minn dan is-servizz għandhom jiġu salvagwardjati.
Net News hu infurmat li huma madwar 40-il persuna li joperaw bħala barklora. U mal-Gvern, jidher li kellhom laqgha din il-gimgha.
Dawn il-ħaddiema ilhom 6 xhur jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet sabiex jingħataw post alternattiv fil-Belt fejn ikunu jistgħu iniżżlu l-klijenti tagħhom – mhux biss turisti, imma anke Maltin li frekwentament jużaw dan is-servizz ta’ trasport mill-Birgu lejn il-Belt Valletta u vice versa.
//= $special ?>