Lokali

Erba’ studenti arrestati wara li wissew b’sigurtà dgħajfa fl-app ta’ FreeHour

Erba’ studenti tal-Computer Science fl-Università ta’ Malta ġew arrestati wara li wissew lill-għaqda li tmexxi FreeHour bi problema ta’ sigurtà fl-application tagħhom.

Iż-żgħażagħ, Giorgio Grigolo, Michael Debono, Luke Bjorn Scerri u Luke Collins qalu li huma kienu qed iduru s-software tal-application meta sabu l-problema tant li possibilment kienu se jiġu hacked minn xi professjonisti.

Skont iż-żgħażagħ, huma bagħtu email iwissu lil FreeHour b’dan filwaqt li talbu rigal żgħir talli nnotaw f’dan l-iżball fis-sistema. Iżda dawn, minflok ngħataw dan, spiċċaw ġew arrestati, saritilhom strip-search u ttiħdilhom kull tagħmir elettroniku li kellhom fil-pussess tagħhom.

Iż-żgħażagħ qalu kif is-sistema tant kienet waħda dgħajfa li huma rnexxilhom jidħlu fiha qisu xejn mhu xejn u setgħu jaċċessaw kull data li riedu.

U kien fid-dawl ta’ dan li ħassew li għandhom iwissu dwar dan kollu lura fit-18 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra. Xahar wara, huma ġew arrestati.

Issa, dawn l-istudenti qed jaffaċjaw akkużi li jġorru magħhom erba’ snin ħabs u multa li tlaħħaq it-€23,293 taħt l-Kodiċi Kriminali tal-Artikolu 337.

L-MŻPN qalu kif hi xi ħaġa nkwetanti li l-awtoritajiet qed ikompli jattakkaw liċ-ċittadin Malti filwaqt li dawk fil-poter qed jibqu ‘untouchables’.

Ħafna kkummentaw kif il-Pulizija jaqbdu maż-żgħir u dawk li huma fil-poter u serqu l-miljuni minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi qatt m’affaċjaw il-ġustizzja.

B’oħrajn jgħidu kif l-istudenti ma kisru l-ebda liġi hekk kif l-application ħalliethom jidħlu daqs l-admins l-oħra u bl-ebda mod ma użaw hacking biex jidħlu fl-application. Dan apparti li l-istudenti, allegatament, qatt ma daħlu jaraw id-data personali ta’ dawk li kienu qed jużaw l-application.