Lokali Saħħa

Il-Kummissarju tas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman lest jgħin fil-medjazzjoni

Il-Kummissarju għas-Saħħa, il-Professur Ray Galea bagħat ittra lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas Saħħa u l-President tal-MUMN fejn ħeġġiġhom biex jirrisolvu t-tilwima industrijali li għaddejja bħalissa fl-isptarijiet. Dan filwaqt illi indikaw wkoll li lest joffri medjazzjoni biex tinstab soluzzjoni.

Fil-fatt, il-Kummissarju għas-Saħħa estenda l-istedina tiegħu li joffri kwalunkwe assistenza meħtieġa biex jiffaċilita riżoluzzjoni ġusta u f’waqtha għal din it-tilwima industrijali, waqt li jassigura li l-interessi ta’ kulħadd ikunu rappreżentati b’mod ekwu.

Il-Kummissarju saħaq ukoll li għandu jintlaħaq qbil li jikkonsidra l-bżonnijiet tal-pazjenti u l-qraba tagħhom.

L-ittra tenfasizza fuq l-importanza li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u r-responsabbilità ta’ min iħaddem u tinkoraġġixxi liż-żewġ partijiet jagħtu prijorità lis-saħħa tal-pazjent.