Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, awgura li l-partiti politiċi fl-Irlanda ta’ Fuq jirritornaw mill-aktar fis għal amministrazzjoni bażata fuq il-qsim tal- poter.
Dan meta l-Irlanda ta’ Fuq ilha ma jkollha Gvern li jiffunzjona mindu l-Partit Democratic Unionist (DUP) ħareġ ‘il barra fost diżgwid dwar l-arranġamenti ta’ wara Brexit u kif dawn jolqtu lill-provinċja fejn il-maġġoranza huma favur it-tmexxija tal-Gvern Britanniku (f’Londra).
Il-President Amerikan wasal l-Irlanda biex ifakkar il-25 sena tal-Good Friday Agreement — patt storiku magħruf ukoll bħala l-Ftehim ta’ Belfast li jibbaża fuq impenn lejn tmiem il-vjolenza tal-era magħrufa bħala ‘The Troubles’ (fl-Irlanda ta’ Fuq) li kienet ilha mill-aħħar tas-sittinijiet.
Din iż-żjara ta’ Biden tikkonkludi fi tmiem il-ġimgħa u filwaqt li hu, bħalissa, qiegħed jiltaqa’ mal-personalitajiet distinti Irlandiżi, jispikka wkoll il-fatt li l-President mhux se jattendi l-inkoronazzjoni tar-Re Charles tal-Ingilterra li għandha ssir ix-xahar id-dieħel.
Joe Biden, fl-aħħar sigħat, kellu laqgħat, f’Belfast, mal-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak qabel iltaqa’ mal-politiċi ewlenin fl-Irlanda ta’ Fuq. Il-President, wara, għamel diskors fl-Università ta’ Ulster fejn esprima l-interess li l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża jkomplu fit-triq tal-paċi u progress u fejn se jsibu dejjem l-appoġġ mingħand il-Gvern u l-poplu tal-Istati Uniti.
Fl-istess ħin, fl-ewwel kummenti mal-wasla fl-Irlanda ta’ Fuq, Joe Biden qal li ‘qiegħed hemm biex jisma’ – sintendi b’referenza għall-messaġġi li għandhom iwasslulu l-politiċi u l-poplu Irlandiż. Il-President Amerikan, intant, se jkun qed iqatta’ t-tlett ijiem li ġejjin fir-Repubblika Irlandiża.
Iż-żjara ta’ Joe Biden qed issir taħt sigurtà kbira u fl-aħħar sigħat, spikkat il-preżenza enormi tal-pulizija f’Belfast. Il-programm tal-attivitajiet għal Joe Biden jinkludi anki laqgħat mal-President Irlandiż Michael D Higgins flimkien ma’ żjara f’County Mayo fejn kienu jgħixu l-antenati tiegħu.
Filwaqt li l-politika hi ferm polarizzata fl-Istati Uniti, id-Demokratiċi fil-Gvern u r-Repubblikani fl-Oppożizzjoni jaqblu bis-sħiħ dwar il-valur tal-Ftehim għall-Ġimgħa l-Kbira għall-Irlanda ta’ Fuq, Il-ftehim għadu sallum iservi bħala eżempju ta’ x’jista’ jintlaħaq bid-diplomazija determinata u n-negozjati effettivi – u meta l-eks President Amerikan Bill Clinton ukoll kien strumentali fil-konklużjoni tal-patt tal-1998.
//= $special ?>