Niġerjan ta’ 36 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti u ġie akkużat li naqas milli jobdi l-ordnijiet, hedded, irreżista u kkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq żewġ Uffiċjali tal-Pulizija f’San Pawl il-Baħar. Dan wara kommossjoni fuq karozza tal-linja fejn allegatament ma riedx iħallas in-noll mitlub lilu.
Il-każ seħħ nhar it-Tlieta wara nofs inhar fi Triq it-Turisti, fejn allegatament żewġ uffiċjali ġew aggrediti minn John Okolo li rrifjuta li jikkoopera magħhom hekk kif ippruvaw iniżluh minn fuq xarabank fil-Qawra. Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima ħareġ li r-raġel ma riedx iħallas il-prezz tal-biljett tal-karozza tal-linja u ġie skortat minn fuq ix-xarabank minn żewġ uffiċjali tal-pulizija.
Okolo ġie mixli li ħebb għall-Pulizija, naqas li jobdi l-ordnijiet tagħhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, li għamel reżistenza fuqhom, li kkaġuna lil żewġ uffiċjali tal-korp ġrieħi ħfief, li kiser il-paċi pubblika u li fil-11 ta’ April u l-ġranet ta’ qabel f’San Pawl il-Baħar u lokalitajiet oħra għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ.
L-akkużat allegatament ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ l-uffiċjali. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30pm l-għassa tal-Qawra. Saret talba għall-pleġġ mill-avukat Joe Brincat li sabet oppożizzjoni minn naħa ta’l-Ispettur Ryan Vella li qal li l-akkużat m’għandux indirizz fiss, ma jaħdimx u l-ebda rabtiet ma’ Malta.
L-Avukat Brincat qal li Okolo għandu problemi fuq diversi binarji, fosthom li l-‘open centre’ tal-Marsa għalaq u ma jistax jikri, aktar u aktar bil-prezzijiet tal-lum li mill-anqas irid 500 ewro fix-xahar. -Ispettur Vella qal li l-akkużat wettaq dawn ir-reati fuq xi ħaġa trivjali u li jekk jingħata l-libertà proviżorja lanqas biss ikunu jistgħu jintraċċawh biex jidher għall-kawża li jmiss. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>