Ebda post tax-xogħol m’għandu jkun il-qabar ta’ min filgħodu joħroġ jaqla’ x’jiekol għal familja. Ebda impjieg m’għandu jfisser mewt, aħseb u ara għal uliedna.
Sostna dan l-artist Anthony Xuereb li l-Erbgħa filgħodu fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta ippreżenta pittura lil Isabelle Bonnici, omm iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li fit-3 ta’ Dicembru li għadda ħajtu spiċċat maħtufa ħabta u sabta taħt it-tiġrif ta’ bini taħt kostruzzjoni f’Kordin.
Anthony Xuereb insista li fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa ried ifakkar dan il-jum iswed billi żewweġ ix-xena ta’ niket f’Kordin…mal-qabar ta’ Kristu.
Anthony Xuereb sostna li l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol għandhom jingħataw is-sigurtà kollha meħtieġa…hekk ukoll għandhom ikunu mgħonija bl-edukazzjoni kollha disponibbli u mhux ħaddiem jinxteħet f’post tax-xogħol fejn sfortunatament ma jkunx mgħallem is-sengħa kif suppost.
Dan filwaqt li ħeġġeġ il-poplu sabiex jekk jara xi irregolarità jirrapportaha minnufih għaliex taf issarraf f’ħajja salvata.
Net News tkellem ukoll mal-President tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti Joseph Bartolo illi insista li f’dan l-ispazju jiġi milqugħ kull artist li bix-xogħol tal-id tiegħu jkun irid iwassal it-talenti tiegħu.
Intant omm Jean Paul Sofia, Isabelle Bonnici, stqarret ma’ Net News li se tibqa’ tinsisti sabiex issir ġustizzja ma’ binha u għalhekk qed tibqa’ issejjaħ għal inkjesta pubblika. Hija sostniet li inkjesta pubblika għandha tkun essenzjali fi kwalunkwe mewt fuq il-post tax-xogħol bil-għan li ssir ġustizzja kif suppost mal-qraba tal-vittmi…iżda speċjalment sabiex l-imwiet fuq il-lant tax-xogħol jiġu evitati akkost ta’ kollox.