Internazzjonali

L-Irlanda ta’ Fuq tfakkar il-25 anniversarju mill-iffirmar tal-Good Friday Agreement

L-Irlanda ta’ Fuq, din is-sena, qed tfakkar il-25 anniversarju mill-iffirmar tal-Good Friday Agreement – qbil li fisser it-tmiem ta’ 30 sena kunflitt li ħalla mal-eluf ta’ persuni mejta.

Għall-attivitajiet li se jsiru f’Belfast għal din l-okkażjoni, il-President Joe Biden se jkun fost dawk li se jattendi fejn mistenni li jwassal diskors qasir fl-Università ta’ Ulster.

Dan il-qbil, li ġie ffirmat fl-10 t’April tal-1998, ġie ffirmat wara l-kunflitt magħruf bħala The Troubles. Liema kunflitt kien inqala’ meta l-Irlanda nqasmet minn nofs, bl-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ tifforma parti mir-Renju Unit u r-Repubblika tal-Irlanda tiġi stat indipendenti, b’uħud xtaqu li l-Irlanda ta’ Fuq tifforma parti mir-Repubblika tal-Irlanda.

Fost dak li ġie ffirmat hemm li l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ tifforma parti mir-Renju Unit u dan jista’ jinbidel biss permezz ta’ referendum. Dan filwaqt li dawk li jitwieldu l-Irlanda ta’ Fuq għandhom għażla ta’ nazzjonalità Brittanika jew Irlandiża jew saħansitra t-tnejn li huma.