Il-union tal-infermieri u l-qwiebel qed turi dispożizzjoni ċara biex tiġi solvuta l-kwistjoni pendenti li hemm dwar il-Ftehim Settorjali, u trid li l-Gvern jikkommetti ruħu dwar l-aħħar kontro-proposti li ressaq. Fi kliem sempliċi, l-MUMN trid li l-Gvern jgħid b’mod ċar u bla tlaqliq jekk dawn hux proposti finali jew le.
Fi stqarrija, l-MUMN qalet illi jekk il-Gvern jgħid li l-proposti tiegħu tas-6 ta’ April kienu finali, allura lesta tirtira d-direttivi fl-isptarijiet u ssejjaħ lill-membri tagħha biex jivvutaw fuq dawn il-proposti.
Jekk il-Gvern jgħid li l-proposti imressqa fl-aħħar laqgħa minnu ma kienux finali u li hemm pakkett aħjar, allura anke f’dan il-każ l-MUMN tissospendi d-direttivi u ssejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja biex il-membri tagħha jivvutaw fuq il-pakkett il-ġdid.
L-MUMN fl-istqarrija tagħha insistiet illi issa spiċċa ż-żmien tal-laqgħat, u hemm bżonn tittieħed pożizzjoni. Dan filwaqt illi appellat lill-Gvern biex jieqaf ikaxkar saqajh u jinħeba wara “proċess ta’ konċiljazzjoni”.
Il-union kixfet ukoll kif fl-aħħar laqgħa, il-Gvern kien informa lill-MUMN li kellu jtella’ din it-tema fuq livell ta’ Kabinett. L-għan ta’ dan kien sabiex jinstabu fondi addizzjonali għall-infermieri u l-qwiebel.
Iżda dan mhux talli ma seħħx, talli l-Gvern fi kliem l-MUMN għamel u-turn. U reġa’ mar lura għal aktar laqgħat, illi l-union iddeskriviethom bħala “laqgħat bla skop”.
Intant, jidher illi fl-aħħar sigħat sar xi forma ta’ theddid – dejjem skont l-MUMN – minn persuni anonimi mill-Ministeru tas-Saħħa, li qed jgħidu li lesti jieħdu lill-union il-Qorti. Bl-MUMN tfakkar li l-Gvern qatt ma mexa b’dan il-mod ma min seraqna il-miljuni – referenza ċara għal Vitals u Steward.
//= $special ?>