Lokali

Numru ta’ uffiċjali pubbliċi ntlaqtu ħażin minn prattiċi ġodda

Numru ta’ ħaddiema tas-servizz pubbliku ntlaqtu ħażin mill-prattiċi ġodda mħabbra lejn l-aħħar ta’ Marzu li għadda mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana.

Fost dawk li ntlaqtu ħażin kien hemm dawk li jaħdmu numru ta’ sigħat mid-dar, ‘l hekk imsejjaħ Remote Working. Waħda mill-miżuri hi li dawn il-ħaddiema jistgħu jutiliżżaw 20% tal-ħidma tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn imorru fuq il-post tax-xogħol.

Dan ifisser li darba fil-ġimgħa jistgħu jagħżlu li jaħdmu mid-dar u l-erba’ t’ijiem l-oħra jmorru fuq l-post tax-xogħol. Sa qabel ma daħlu dawn il-prattiċi ġodda kien hemm numru ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu jumejn mid-dar u tliet ijiem minn fuq il-post tax-xogħol, li jfisser li dawn mhux talli bbenefikaw mill-miżuri ġodda iżda tnaqqsulhom is-sigħat fejn jidħol Remote Work.

Numru ta’ ħaddiema qed jesprimu l-għadab tagħhom li ma ġewx ikkonsultati dwar dawn il-miżuri li daħlu fit-3 ta’ April. Minkejja li huwa minnu wkoll li xi miżuri ntlaqgħu tajjeb mill-ħaddiema taċ-ċivil, din tar-Remote Work ma tantx niżlet tajjeb ma’ ħafna.

Il-prattiċi ġodda jgħidu li Remote Work ġie strutturat fejn uffiċjali pubbliċi jistgħu jibbenefikaw minn kwalunkwe sigħat ta’ xogħol remot fuq kriterji family-friendly.

Dan jassorbi l-arranġamenti eżistenti tat-Telework. Sa 20% tas-sigħat tax-xogħol jistgħu jintalbu li jinħadmu b’mod remot mingħajr ħtieġa ta’ eleġibbiltà. Madankollu dawk li huma eliġibbli għal dan ix-xogħol qed jikkontendu li hemm sezzjoni akbar ta’ ħaddiema taċ-ċivil li saħansitra jistgħu jaħdmu anke sa tliet darbiet mid-dar, jiġifieri sa 60% mill-40 siegħa xogħol.

Ħafna wkoll korrettement qed jikkontendu li hemm spektru akbar ta’ ħaddiema li jistgħu jaħdmu mid-dar, aktar u aktar fid-dawl tal-ħafna reklamar u pompa li s-servizz pubbliku għamel qabżiet kbar fit-teknoloġja, tant li qed jingħad li huwa meqjus fost l-aqwa fl-Ewropa.

Aktar xogħol mid-dar inaqqas il-konġestjoni tat-traffiku

Argumenti oħra għal aktar xogħol li għandu jsir mid-dar huwa l-problemi tat-traffiku li l-pajjiż ilu u għadu jiffaċċa. Persuni li jaħdmu mal-Gvern fil-preżent hemm viċin il-50,000 filwaqt li eluf oħra jaħdmu ma’ aġenziji tal-Gvern, li jħaddnu l-istess prattiċi u għalhekk jekk fejn hu possibbli aktar nies jingħataw aċċess akbar li jaħdmu mid-dar, il-problema kbira tat-traffiku li qed toħloq tensjoni kull filgħodu u lura lejn id-dar għandha tittaffa.

Punt pożittiv li ħareġ mill-prattiċi ġodda huma s-sistema tar-Reduced Hours ġiet emendata għal aktar flessibbiltà, b’tali mod li uffiċjali pubbliċi jistgħu japplikaw li jaħdmu sigħat imnaqqsa, mingħajr ħtieġa ta’ kriterji ta’ eleġibbiltà, fejn ix-xogħol u l-prioritajiet jippermettu.

Punt ieħor hija l-prattika ta’ Flexi-Time, li permezz tagħha uffiċjali pubbliċi jistgħu jitolbu li jirranġaw il-ħinijiet tax-xogħol tagħhom, sa sagħtejn qabel jew wara l-ħinijiet stabbiliti.

Dan it-tibdil għandu perjodu ta’ tranżizzjoni sal-15 ta’ Ġunju 2023. Din hi l-ewwel fażi tal-proċess ta’ mmodernizzar tas-Servizz Pubbliku. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li b’dan it-tibdil, is-Servizz Pubbliku qed jagħti lill-uffiċjal pubbliku aktar flessibbiltà b’inqas burokrazija, b’mod kontabbli, strutturat u effiċjenti.

Madankollu dwar dan jidher li hemm ħafna li qed jargumentaw b’mod differenti. Aktar informazzjoni hija disponibbli fil-manwal dwar il-Miżura tal-Bilanċ tal-Ħajja tax-Xogħol aċċessibli minn fuq isit tal-Gvern jew billi jċempel 2200 1225.​