Lokali

Owen Bonnici jgħid li jrid jifhem aħjar is-sentiment tan-nies

Wara li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Belt Valletta kellhom jgħaddu qalb l-imwejjed u s-siġġijiet ta’ certu stabbilimenti, il-Ministru tal-Kultura ma kellu xejn x’jgħid, għajr li ma fehemx eżatt is-sentiment tan-nies.

Fil-fatt, kif ammetta hu stess, Owen Bonnici għadu ma fehemx x’inhu eżatt is-sentiment ta’ dawk il-mijiet li qed iressqu petizzjoni kontra dak li seħħ fl-aħħar jiem.

Il-petizzjoni nbdiet eżatt kif għadda l-Għid il-Kbir, għaliex il-komunità Beltija tinsab urtata u ddispjaċutua għal dak li qed jiġri fil-kapitali. U r-residenti qed iħossu illi dak kollu li jagħmel lill-Belt dik li hi qed ikun mhedded.

U quddiem dan kollu, din kienet l-uniku reazzjoni tal-Ministru Owen Bonnici.

“Nifhem aħjar x’inhu s-sentiment”

U b’mod surreali, il-Ministru Bonnici spicca kritika lill-Ministeru li jmexxi huwa stess. Dan hekk kif bir-risposti li ta lil Net News ikkonferma li mhux jipproteġi t-tradizzjonijiet Maltin kif inhu xieraq.

“Jiena naqbel mas-sentiment li bħala Gvern irridu nkunu hemm għad-dilettanti.”

U minkejja li din hi sitwazzjoni ta’ abbuż li ilha għaddejja snin, għall-Ministru Bonnici bħallikieku ġrat l-ewwel darba din is-sena. Tant illi l-unika soluzzjoni li tana Owen Bonnici kienet li se jkun qed ikompli jisma’ l-ilmenti tan-nies bla ma jidher li se jkun qed jieħu azzjoni dwar abbużi li qed ikun hemm minn nurmu żgħir ta’ stabbilimenti.