Futbol Sport

UEFA U-16 Development Tournament: Malta tegħleb lil-Latvja bl-għoti tal-penalties

(Ritratt: Stephen Gatt)

MALTA………1
LATVIA……..1
(HT 0-0)

Skorjaw: Dzene 70 (L), Saliba 76 (M)

Malta tirbaħ 4-3 bil-penalties

MALTA: E. Muscat; L. Azzopardi (46 S. Saliba), F. Bartolo, L. Farrugia, A. Micallef, E. Micallef (66 N. Attard), K. Micallef (79 Y. Azzopardi), T. Scicluna, A. Vassallo (57 S. Francalanza), N. Celeste (79 L. Calleja), L. Frendo (66 I. Abela).
Coach: Kathleen Saliba.

LATVIA: K. Ustinenkova; G. Andersone (71 S. Laskova), K. Dzene, K. Garanca (61 M. Zalite), N. Pincuka (61 H. Reinfelde), P. Dzene (79 S. Zalite), U. Upite (61 R. Baltrusaite), K. Ruja, M. Klementjeva, A. Prymak, L. Steinberga (71 L. Zelve).
Coach: Rihard Gorkss.

Gowl fis-76 minuta mill-plejer ta’ Birkirkara Sara Saliba, sforza l-ewwel partita mill-UEFA Women Under-16 Development Tournament biex tmur għal penalties biex eventwalment kienu l-Maltin li ħarġu rebbieħa 4-3 kontra l-Latvja.

L-iskwarda mmexxija mill-kowċ Kathleen Saliba kellha tliet plejers ta’ taħt id-19-il sena li huma Francesca Bartolo, Kaysia Micallef u l-captain Lexine Farrugia.

Min-naħa l-oħra l-iskwadra tal-Latvja kienet komposta fil-maġġoranza minn plejers li jilagħbu fil-pajjiż bl-eċċezzjoni ta’ żewġ plejers li jilagħbu fl-Istati Uniti.

It-tim Malti mill-ewwel ura l-intenzjonijiet tiegħu meta kmieni fil-partita Lexine Farrugia ttantat xortiha minn barra l-kaxxa iżda sabet lill-goalkeeper Ustinenkova attenta li laqat tajjeb.

Il-plejer ta’ Raiders Lija ftit wara reġgħet provat xutt ieħor li din id-darba għadda barra.

Id-difensur laterali Francesca Bartolo wkoll provat taħsad lill-goalkeeper tal-Latvja iżda t-tentattiv għadda barra.

Il-Maltin komplew jgħafsu u Ema Micallef impenjat lil Ustinenkova minn tarf il-kaxxa b’din tal-aħħar tilqa’ b’diffikultà.

L-ewwel ċans tal-avversarji ta’ Malta wasal minn Paula Dzene li l-free kick dirett tagħha kien milqugħ minn Erika Muscat.

Ftit qabel il-mistrieħ il-Latvja ressqu darbtejn viċin l-ewwel b’xutt mill-viċin ta’ Uma Upite li għadda ftit barra biex ftit wara Paula Dzene minn barra l-kaxxa impenjat lil Muscat li laqat tajjeb.

Fit-tieni taqsima kienu l-Latvja bl-ewwel azzjoni lejn il-lasti ta’ Malta meta s-solita Paula Dzene provat xutt b’saħħtu li kien milqugħ minn Muscat.

Ftit wara din l-azzjoni l-Latvja marru minn fuq fis-70 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Kassandra Dzene li t-tentattiv ta’ Muscat biex tilqa’ kien għalxejn bil-ballun jinżel fir-rokna tax-xibka.

Reazzjoni mill-aqwa mill-Maltin sitt minuti biss wara meta s-sostitut Sara Saliba żmarkat ruħha u b’xutt fil-baxx tefgħet ġewwa biex reġgħet għamlet l-iskor indaqs.

L-iskor sa tmiem il-ħin regolamnetari baqa’ ma nbidilx u l-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties.

Farrugia, Saliba, Bartolo u Ylenia Azzopardi skorjaw il-penalties tal-Maltin bil-goalkeeper Erika Muscat issalva żewġ penalties u Malta tirbaħ 4-3.

Malta tilgħab it-tieni logħba nhar il-Ġimgħa li ġej kontra Slovakkja fis-Centenary Stadium.

(Ritratt: Stephen Gatt)